Ammiraturi ta’ Cristiano Ronaldo nġabru fl-ikonika Times Square ta’ New York ilbieraħ hekk kif ġiet żvelata statwa biex jiġi ċċelebrat għeluq l-40 sena mit-twelid tiegħu.
L-istatwa tal-bronż għolja 3.6 metri hija xogħol l-artist Taljan Sergio Furnari li ħeġġeġ lis-segwaċi ta’ Ronaldo jattendu għal dan l-avveniment f’attentat li jinkiser ir-rekord tal-akbar numru ta’ nies jagħmlu il-mossa ta’ vittorja ta’ Ronaldo ‘Siu’ flimkien.
Is-Siu, li bil-Portugiż hija sinonima għal ‘iva’, hija mossa li Ronaldo jagħmel wara kull gowl li jiskorja.
Għadu ma ġiex ivverifikat jekk ir-rekord sarx.
Ronaldo ma kienx preżenti hekk kif jinsab impenjat mal-klabb Al Nassr fl-Għarabja Sawdija.
Minkejja l-età, Ronaldo ma jidhirx li qed inaqqas hekk kif nhar it-Tnejn skorja t-23 gowl tal-istaġun f’rebħa 4-0 kontra ċ-Champions tal-Emirati Al Wasl f’partita mill-AFC Champions League Elite.
Ikkunsidrat bħala wieħed mill-aqwa plejers ta’ kull żmien, b’ 135 gowl huwa t-top scorer fil-futbol internazzjonali tal-irġiel u l-aktar li qatt skorja gowls għall-klabb tar-Real Madrid meta sab ix-xibka tal-avversarji tagħhom 450 darba.