Hekk kif pajjiżna qed jagħlaq sena minn mindu ġiet introdotta fuq livell nazzjonali il-borża għall-iskart organiku, jidher li hemm riżultati notevoli. Il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv, Tonio Montebello stqarr ma’ crew ta’ ONE News: “Rajna parteċipazzjoni tajba ħafna mingħand il-pubbliku. Fil-fatt fl-ewwel sena diġà ġbarna madwar 25,000 tunnellata ta’ skart organiku.”
Montebello spjega lil dan l-istazzjon li biex l-impjant ta’ Sant’Antnin jittratta dan l-iskart jeħtieġ 10,000 tunnellata oħra u allura bħalissa l-iskart organiku qed jitħallat ftit ma’ dak miġbur mill-borża s-sewda.
Qalilna li l-Maltin saru iżjed dixxiplinati u jarmu fil-boroż it-tajbin għalkemm l-affarijiet ħadu ftit taż-żmien biex indraw.
Saħaq li s-sena d-dieħla l-impjant f’Wied il-Għajn kapaċi jittratta biss skart organiku.
“Fiduċjuż illi s-sena d-dieħla se nkunu nistgħu noperaw l-impjant bl-iskart organiku biss. Dan anki wkoll li rajna l-materjal li dieħel għandna għamilna investiment ta’ madwar żewġ miljuni u nofs fejn se nkunu qegħdin inbiddlu s-sistema tat-trattament, pre-treatment system biex flok nilqgħu l-borża s-sewda mal-bajda nkunu nistgħu nistgħu nilqgħu l-borża bajda biss u allura nkunu nistgħu nħaddmu l-impjant bi skart organiku nadif”, sostna Montebello.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv spjega wkoll li mill-iskart organiku jista’ joħroġ gass li jkun tajjeb biex jiġi ġġenerat l-elettriku bih.
Dan filwaqt li mill-iskart organiku jinħoloq pit li anki huwa utli biex jintuża fl-agrikoltura.