Il-Maġistrat Joe Mifsud ordna lill-pulizija sabiex jippubblikaw ir-ritratti ta’ Brian Abela li huwa sid il-karozza li biha allegatament Liam Debono nqabad isuq il-ġimgħa li għaddiet kif ukoll ir-ritratt ta’ Jason Zammit bħala persuni mfittxija mill-istess Pulizija.
Dan wara li fil-Qorti ngħad li l-pulizija ma setgħux isibuhom sabiex jitilgħu jixhdu fil-każ ta’ Liam Debono li qed jiġi mixli bil-ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ngħata mill-Imħallef Antonio Mizzi. Il-Maġistrat awtorizza lill-pulizija sabiex tinnotifika lil dawn ix-xhieda fi kwalunkwe ħin u mumemt tal-ġurnata.
Fil-Qorti xehed il-ġurnalist ta’ Television Malta Brandon Pisani fejn esebixxa hames ritratti li ġew ippubblikati fuq is-sit tvm.com.mt liema ritratti ntbgħatu minn sors.
Liam Debono lmenta fil-Qorti li ma kellux aċċess sabiex jagħmel kuntatt mal-ġenituri tiegħu minħabba l-kundizzjoni medika li għandu liema kura għandu bżonn jeħodha sitt darbiet kuljum. L-imputat ilmenta wkoll li ma kellux ħin biżżejjed sabiex jikkonsulta ma’ avukat dan hekk kif jidher li huwa kkuntattja l-avukat tal-fiduċja tiegħu lejlet is-seduta madankollu kien għalxejn u għalhekk kellu jkompli jipproċedi bl-avukat tal-għajnuna legali li s-Sibt illi għadda nzerta għassa.
Il-każ mistenni jkompli nhar il-Erbgħa 5 ta’ Gunju fid-9:00 ta’ filgħodu.