Stħarriġ tal-Eurobarometer dwar l-isport u l-attività fiżika fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea juri li l-Maltin baqgħu fost l-iktar għażżenin.
Għalkemm, jekk irridu nħarsu lejn il-ftit pożittiv, illum sirna inqas għażżenin mill-2013 meta sar l-aħħar stħarriġ simili.
Dakinhar kienu 75% tal-Maltin li qalu li qatt ma jagħmlu eżerċizzju jew sport. Illum din niżlet b’19% u l-ammont li ma jagħmlu xejn niżel għal 56%. Kienu ċittadini minn sitt pajjiżi oħra biss li qalu b’ammont ikbar mill-Maltin adulti li ma jagħmlu ebda attività fiżika. L-iktar ċittadini attivi huma dawk tal-Finlandja, tal-Iżvezja u tad-Danimarka.
Huma 11% l-Maltin li qalu li jagħmlu eżerċizzju b’mod regolari u 19% jagħmlu dan ta’ spiss, għalkemm b’inqas regolarità.
Filwaqt li l-medja tal-Unjoni Ewropea ta’ persuni li jagħmlu eżerċizzju regolari kienet 7% u dawk li jagħmluha spiss kienet 33%.
F’ħafna pajjiżi jingħad li l-eżerċizzju fiżiku jsir f’xi park jew fuq barra, filwaqt li f’xi pajjiżi, il-maġġoranza qalu li jitħarrġu d-dar. Kien biss f’Malta u fil-Greċja fejn il-maġġoranza ta’ dawk li qalu jagħmlu l-eżerċizzju wieġbu li jagħmlu dan bejn ix-xogħol u d-dar jew il-qadi, b’referenza partikolari għall-mixi. 26% tal-Maltin li jagħmlu eżerċizzju jagħmlu dan ma’ xi klabb jew ċentru apposta u bl-istess ammont jagħmlu dan fuq barra. L-eżerċizzju d-dar isir ukoll bl-istess ammont.
Interessanti kif minkejja dawn ir-riżultati li ma tantx jawguraw tajjeb, għalkemm kien irreġistrat titjib, statistika li ħarġet ukoll mill-Unjoni Ewropea turi li l-maġġoranza tal-Maltin minn 16–il sena ’l fuq iħossuhom b’saħħithom. Fil-fatt kienu 72.9% il-Maltin li qalu li jħossuhom b’saħħithom. 23.9% qalu li mhux ħażin u 3.1% qalu li jħossu li l-istat ta’ saħħa tagħhom huwa wieħed ħażin.