L-għażla fil-25 ta’ Mejju li ġej hija ċara. Hija għażla bejn min ma jitlifx okkażjoni biex jagħmel il-ħsara lill-pajjiż, u min kontinwament jaħdem għall-benefiċċju tal-poplu.
Dan kien is-sentiment komuni fost tliet kelliema li indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, l-għada li l-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza folla ddominata mill-abjad u l-aħmar fi Pjazza Kastilja fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem.
Il-kandidata Għawxija għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Josianne Cutajar qalet li dan huwa Gvern li ma joqgħodx kwiet, u kontinwament jaħseb kif jista’ jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u tal-Għawdxin. Dan imsejjes fuq viżjoni ta’ mexxej bi pjani li qed jixprunaw il-bidla pożittiva fil-pajjiż.
“Ilkoll nafu l-bidla li saret. Soċjetà iktar ugwali u inklussiva. Opportunitajiet akbar għall-mara. Anzjani li llum il-ġurnata jgħixu iktar komdi. Ħaddiema li għandhom xogħol. Miżuri favur il-familja u żgħażagħ li qed jaraw iktar opportunitajiet.”
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis fakkar li dan huwa Gvern li għandu għal qalbu l-qasam soċjali, fejn filwaqt li b’diversi miżuri irnexxielu jnaqqas il-persuni qiegħda u dawk f’riskju ta’ faqar, qed jonfoq ewro minn kull tlieta fil-qasam soċjali. Dan biex jilħaq nies minn kull spettru tas-soċjetà, fosthom persuni b’diżabilità u pensjonanti.
“Ir-ruħ soċjali qawwija li jħaddan dan il-Gvern tispikka speċjalment favur dawk li għandhom bżonn imbuttatura biex jimxu ‘l quddiem sabiex jingħataw l-għajnuna kollha li hemm bżonn sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jirnexxu.”
Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli qalet li l-kandidati tal-Partit Laburista jgħixu l-valuri Ewropej ibbażati fuq l-ugwaljanza u r-rispett reċiproku; u huwa għalhekk li l-għażla fil-ħamsa u għoxrin ta’ Mejju hija ċara; għaliex dawk kollha li rrappreżentaw lil pajjiżna f’isem il-Partit Laburista kemm fix-xena lokali u anki fil-fora Ewropea, dejjem urew bil-fatti li għandhom lil Malta f’qalbhom.
“Fil-25 ta’ Mejju, il-poplu għandu għażla quddiemu. Irid jagħżel bejn min ma tilifx okkażjoni waħda biex jipprova jagħmel il-bsaten fir-roti lil dan il-pajjiż, u min f’kull okkażjoni ħadem biex iġib il-benefiċċji lejn dan il-pajjiż u ċ-ċittadini tiegħu.”
Temmet tgħid li dan il-Gvern wera bil-fatti li għandu lil Malta f’qalbu, u għandu l-ambizzjoni li jkompli jbiddel lil pajjiżna għall-aħjar.