“L-għażla hija ċara, bejn moviment li jaf x’qed jgħid u qed jagħmel proposti realistiċi jew min irid mill-ġdid jinganna lil dan il-pajjiż u jfalli.”
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat fid-diskors tiegħu taħt it-tinda f’Santa Luċija. B’referenza għall-proposta ta’ Simon Busuttil dwar iż-żieda fil-pensjoni minima, l-Prim Ministru u Mexxej Laburista qal li l-kalkoli ta’ Busuttil li jmorru żmerċ b’aktar minn €12-il miljun juru li Simon Busuttil ma jafx imexxi l-ekonomija ta’ pajjiż u li dan huwa effett sintomatiku ta’ koalizzjoni ta’ konfużjoni li qed tgħid li trid tmexxi l-pajjiż. Muscat saħaq li kif jgħid il-Malti “vapur b’żewġ kaptani ma jimxiex.”
Min-naħa l-oħra, qal il-Prim Ministru, taħt Gvern Laburista l-pensjonanti raw għall-ewwel darba żieda wara 25 sena ta’ tmexxija Nazzjonalista.
“Il-pensjonanti, għall-ewwel darba f’25 sena, raw il-pensjoni tagħhom tiżdied, mhux għal darba; iżda għal darbtejn wara xulxin u aħna kommessi li fis-snin li ġejjin inkomplu nżiedu l-pensjonijiet.”
Gvern Laburista jkun qed iżid il-pensjonijiet b’mod għaqli, ċar u costed. “Ħaddieħor ippanikja, wara li f’25 sena qatt ma żied il-pensjonijiet u għalhekk qal li anke hu se jżidhom b’€22 fil-ġimgħa.”
Iżda l-Mexxej Laburista spjega kif Simon Busuttil ibbaża l-proposta tiegħu fuq kalkoli sempliċi tal-matematika u flok qal li din il-miżura se tiswa €20.5 miljun fis-sena qal li tiswa €8.5 miljun.
Għalhekk, qal il-Prim Ministru, dan iffiser waħda minn żewġ affarijiet:
“Jew ma jafx x’inhu jgħid totalment u meta jiġi biex iwettaq wara li jisraq il-vot tan-nies, jgħidilhom kif kienu jgħidulhom qabel; li nbiddlu ċ-ċirkostanzi jew biex jiffinanzjaw dawn it-tip ta’ proposti pajjiżna jerġa’ jmur lura għal defiċit, jkeċċi nies minn mal-Gvern, iżid it-taxxi u jnaqqas is-servizzi soċjali.”
Il-Mexxej Laburista tenna li l-irresponsabilità ta’ Busuttil fil-proposti li qed ipoġġi quddiem in-nies tidher fi proposti oħra fosthom dik tal-housing, fejn qed iwiegħed dak li diġà sar.
Iżda d-differenza bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista tkompli tidher fir-rapporti li siru, fosthom f’dak ippubblikat illum mill-Kummissjoni Ewropea li kkonferma li Malta qiegħda fis-sod.
“Minn Brussell, illum qalulna li t-tkabbir ekonomiku sod se jkompli. Dawn in-nies li jagħmlu dawn ir-rapporti m’għandhomx partiti u jaraw l-affarijiet kif inhuma. Ħarġu bl-analiżi li l-ekonomija tkompli tikber u żżomm dan ir-rittmu, li l-flus tal-poplu se jkomplu jiżdiedu u li pajjiżna se jkompli jirreġġistra surplus.”
Iżda, l-Mexxej Laburista sostna li r-rapport jinnota li dan huwa mbassar jekk ma jkunx hemm “policy change” jiġifieri li ma jkunx hemm tibdil mill-politika li waslitna biex f’dawn l-erbà snin nagħmlu avvanzi kbar fl-ekonomija. Joseph Muscat qal li Gvern Laburista għandu l-kreddibilità u dejjem żamm kemtu mal-poplu Malti u Għawdxi.
“Aħna diffett wieħed m’għandniex, li dak li nwiegħdu nwettquh, għalhekk qed nitlobkom tgħinuni biex inwassal messaġġ ta’ rieda tajba, għaqda u pożittività li dan il-pajjiż irid.”