Għażla bejn Gvern favur in-nies u l-paċi, u Oppożizzjoni populista.
Kien dan il-messaġġ ewlieni li wassal il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, f’attività politika l-Ħadd filgħodu fit-Teatru Rialto f’Bormla.
Il-Prim Ministru nnota kif erba’ xhur oħra, pajjiżna se jieħu deċiżjonijiet importanti ferm fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, li se jibagħtu messaġġ ċar dwar id-direzzjoni li pajjiżna se jaqbad fil-ġejjieni.
Kien hawn li Dr Abela nnota l-aspetti diversi li jiffurmaw lill-kandidati li qed jikkontestaw f’isem il-Partit Laburista.
“Minn Għawdex għal Malta, mill-oqsma soċjali għall-oqsma ekonomiċi, mit-tħaddim Kunsilli Lokali għal-liġijiet riformisti, mit-tredjunjoniżmu, kellna lil Jesmond jitkellem qabli llum għall-qasam ambjentali.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Il-Prim Ministru ma naqasx milli jikkuntrasta dak li qed joffri l-Partit Laburista ma’ dak li qed timbotta l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, fosthom l-apatija fost l-elettorat.
“Jaf sew l-establishment li meta niġu għall-argumenti, meta niġu għall-proposti ta’ kif għandna mmexxu lil dan il-pajjiż, jafu li qatt m’huma se jirnexxielhom jirbħu lil dan il-moviment. Allura għax jafu li xotti mill-ideat, għax jafu li xotti mill-proposti pożittivi għal dan il-pajjiż allura ddeċidew li jibdlu l-istrateġija tagħhom.”
Il-Prim Minisrtru, Robert Abela
Dr Abela stqarr kif l-Oppożizzjoni qed tipprova timmina l-importanza tal-kisbiet tal-Gvern u saħansitra tal-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej.
Il-Mexxej Laburista stqarr kif għalhekk huwa importanti li l-Partit Laburista jkun rappreżentat minn persuni li jħobbu lil Malta, quddiem l-istrateġija tal-establishment Nazzjonalista.
Hawnhekk irrefera wkoll għal dak li qed jiġri f’ekonomiji Ewropej, b’kuntrarju għal dak li qed jiġri f’pajjiżna.
“Araw x’qed jiġri fl-ekonomiji kollha tal-pajjiżi ta’ madwarna fl-Ewropa u lil hinn minnha. Araw kemm il-ekonomija hemm illi flok qiegħda tikber u timxi ’l quddiem, sejrin f’riċessjoni.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Fil-fatt, hawn innota li fl-istess waqt, pajjiżna qed jirreġistra kisbiet soċjali bla preċeden, u r-raġuni wara dan kollu huwa għax il-Gvern Laburista jemmen fin-nies.
Il-Prim Ministru tkellem anki fil-kuntest tal-politika internazzjonali.
“Aħna nemmnu fil-paċi u ħaddieħor jemmen fil-gwerer. Aħna nemmnu fil-paċi u kull fejn inkunu nimbuttaw ‘il quddiem il-valur tal-paċi.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Hawn fakkar kif din il-ġimgħa, il-President tal-Parlament Ewropew u Ewroparlamentari Nazzjonalista, Roberta Metsola tkellmet favur żieda fl-ispiża għall-armamenti.
Dr Abela nnota l-ironija tal-Oppożizzjoni, li filwaqt li titkellem favur żieda fin-nefqa fl-armamenti, titkellem dwar tnaqqis f’investimenti li qed jagħmel il-Gvern fil-qasam soċjali.
F’Bormla, il-Mexxej Laburista stqarr kif fil-Parlament Ewropew, pajjiżna jrid ikollu nies li jħobbu lill-pajjiż u li jġibu lil pajjiżna l-ewwel, u żied kif quddiem il-politika populista li qed jimbotta l-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista għandu jkomplu jkun Gvern għan-nies.
“Fuq kollox aħna lkoll li rridu Malta isbaħ u Malta aħjar, Malta li tibqa’ ekonomikament b’saħħitha, Malta li tibqa’ waħda ġusta. Irridu naħdmu lkoll kemm aħna flimkien għax hekk inkomplu insaħħu Malta tagħna. Grazzi minn qalbi.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela