“Għelibna t-tentazzjoni għal politika tal-awsterità u minflok għamilna miżuri li taw il-frott.”
Hekk stqarr il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela b’reazzjoni għat-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea li pajjiżna se jkollu l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea fis-sena 2022.
F’intervista rrekordjata li xxandret il-Ħadd fuq ONE Radio, il-Prim Ministru elenka numru ta’ miżuri u investimenti li saru f’pajjiżna f’dan iż-żmien diffiċli globalment.
Fost dawn semma l-investiment ta’ €470 miljun fl-infrastruttura industrijali li jħejji lil pajjiżna għal investiment ġdid fil-futur. Semma wkoll il-miżuri ta’ għajnuna li l-Gvern daħħal biex jindirizza l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, fosthom l-iskema tal-għajnuna fil-pagi li se tiġi estiża sa Marzu, u l-iskema tal-vouchers tal-mitt ewro.
Stqarr li f’dan iż-żmien dan il-Gvern evita l-awsterità: “Meta inti għandek pandemija, kriżi ekonomika u soċjali, t-tendenza tkun illi tagħmel kif għamel il-Partit Nazzjonalista lura fl-2008, li tmur lejn politika ta’ awsterità. Aħna ħdimna bil-kontra għidna m’hemmx lok fil-viżjoni tagħna għall-politika tal-awsteritá u minflok morna fid-direzzjoni opposta li investejna bis-saħħa.
Huwa nnota wkoll kif pajjiżna baqa’ konsistenti fit-tnaqqis tal-qgħad anke f’dan iż-żmien, fejn madwar id-dinja l-qgħad qed jerġa’ jgħolli rasu. Dan bis-saħħa tal-miżuri tal-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomija mħabbra fil-bidu ta’ Ġunju u tax-xogħol li qed isir fil-qrib man-nies fejn il-Gvern qed jifhem u joffri l-appoġġ għal kull sitwazzjoni b’mod individwali.
Il-Prim Ministru sostna: “Mill-5 ta’ Ġunju sal-lum, ġimgħa wara ġimgħa rnexxielna b’mod konsistenti nnaqsu l-qgħad, dik xi ħaġa li hija kbira ħafna meta f’kull pajjiż ieħor madwar id-dinja, kulħadd qiegħed ikeċċi n-nies, negozji li qegħdin jgħalqu.”
Dwar il-kawża tal-għaqda repubblika biex jinġiebu 50 immigrant mil-Libja, il-Prim Ministru qal li dan l-għan huwa biss parti minn din il-kawża. Stqarr li din fil-fatt tmur kontra l-ħidma kbira li qed issir minn pajjiżna biex jonqos l-influss ta’ immigranti f’dan iż-żmien.
Innota wkoll kif il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, huwa membru integrali ta’ din l-għaqda u deher kemm il-darba jitkellem f’attivitajiet, u għalhekk issa għandek lill-oppożizzjoni wara kawża inaċċettabli.
Dr Abela saħaq: “Aħna l-pożizzjoni ta’ pajjiżna hija li huwa ‘full-up’ ‘and yet’, fil-mument li aħna nkomplu nimplimentaw dik il-politika, qed ikollna min akkost ta’ kollox jipprova jkissrilna l-ħidma tagħna, jiena għalija din mhux aċċettabli.”
Il-Prim Ministru kkummenta wkoll dwar ir-rapporti fil-gazzetti li spjegaw kif fl-2017 Jason Azzopardi mar il-Hilton ta’ Tel Aviv wara li ħallaslu l-kamra Tumas Group, li kien jagħmel parti minnu Yorgen Fenech.
Huwa tenna: “Qed nirriferi naturalment hawnhekk għall-onorevoli Jason Azzopardi li huwa l-kelliem ewlieni għall-ġustizzja tal-Partit Nazzjonalista li minn banda jippriedka fuq is-saltna tad-dritt, u jippriedka u jpinġi lilu nnifsu bħala li huwa l-iktar bniedem nadif fid-dinja u jikkritika u jiċċensura lil kulħadd u jagħmel tajjeb, jekk iħoss li għandu jiċċensura jagħmel tajjeb, imma biex tiskonġra trid tkun pur ukoll u ma tistax bl-istess aġir li tikkritika lil ħaddieħor, tkun għamilt agħar minnu inti stess.”
Il-Prim Ministru temm jgħid li dan il-Gvern se jibqa’ kommess li juri kif hemm mod differenti ta’ kif issir il-politika b’onestà, integrità u b’impenn li pajjiżna jkompli jissaħħaħ.