“Kellna żewġ għażliet, jew li nimxu bil-politika tal-awsterità u nħallu lin-nies waħedhom jew li ninvestu fin-nies. Għażilna li ninvestu bis-saħħa fin-nies.”
Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt intervista fuq ONE Radio, il-Ħamis wara nofsinhar fuq il-programm TEMI b’reazzjoni għall-aħħar rapport ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea dwar pajjiżna.
Rapport li jistma kif din is-sena l-ekonomija Maltija se tikber b’4.6% u b’hekk darba u nofs aktar minn dak previst sitt xhur ilu.
Fil-fatt, il-Prim Ministru Robert Abela, għall-kuntrarju ta’ dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, meta sostna li dan il-Gvern spiċċawlu l-flus, qal li dan il-Gvern fl-aħħar xhur ħadem b’għaqal kbir.
Dr Abela fakkar ukoll kif dan ir-rapport ħareġ mill-istess Kummissjoni li l-istess esponenti tal-Partit Nazzjonalista qed jippruvaw iħammġuna magħha.
Il-Prim Ministru qal, “Tajjeb li ngħid hawnhekk ukoll li filwaqt li l-Kummissjoni għandha din il-fiduċja u l-outlook pożittiv fuq pajjiżna, jistona ħafna ma’ ħsara li esponenti ewlenin tal-Oppożizzjoni qed jippruvaw jagħmlulna mal-istess Kummissjoni. Hija xi ħaġa inkredibbli.”
Intant, il-Prim Ministru attribwixxa dan is-suċċess għal aktar affarijiet fosthom id-deċiżjonijiet abbażi ta’ governanza tajba li ħa l-Gvern u mil-lat ta’ saħħa, ir-rata b’saħħitha ta’ vaċċinazzjoni li laqqam biha dan il-pajjiż.
Fakkar kif issa nqabżu l-għoti ta’ aktar minn 400,000 doża, u b’hekk id-deċiżjoni għaqlija ta’ dan il-Gvern li jassigura biżżejjed dożi għall-pajjiż.
Dr Abela sostna: “L-għażla l-oħra kienet li nixtru għal iżjed mill-popolazzjoni, nixtru mid-ditti kollha approvati mill-EMA, hekk għamilna u dak kien iffisser li fl-aktar ġimgħat importanti kellna iżjed dożi milli kellhom pajjiżi oħra ras għal ras u dak kien ifisser li stajna naċċelleraw il-pjan ta’ tilqim.”
B’kuntrast, Dr Abela fakkar ukoll fid-deċiżjonijiet iebsin li kellhom jittieħdu f’Marzu tas-sena l-oħra, fejn hemm ġie ddikjarat fost oħrajn emerġenza tas-saħħa pubblika, l-għeluq tal-ajruport u anke l-iskejjel.
Tenna kif minkejja dawn id-deċiżjonijiet, il-Gvern ħadem biex isalva l-impjiegi u n-negozji.
Dan filwaqt li baqgħu għaddejjin u tlestew proġetti maġġuri tal-Gvern.
Il-Prim Ministru appella wkoll għall-kawtela f’dan il-mument pożittiv għal pajjiżna sabiex ma jiġix preġudikat sajf ta’ turiżmu filwaqt li sostna sabiex kulħadd jirreġistra għat-tilqima tal-vaċċin.
Dan fid-dawl li mill-ġimgħa d-dieħla se jiftħu r-reġistrazzjonijiet għal dawk li għandhom 16-il sena jew aktar u b’hekk allura t-tilqim se jkun miftuħ għall-popolazzjoni kollha adulta.
Il-Prim Ministu Robert Abela saħaq: “Kruċjali li kulħadd jieħu t-tilqima. Nifhem li hemm min forsi min anke huwa iżgħar fl-età u huwa b’saħħtu u hemm element ta’ xettiċiżmu jekk għandu jieħu l-vaċċin jew le. Kruċjali u nagħmel dan l-appell sabiex il-vaċċin jittieħed.”
Huwa fakkar ukoll li min ma jkollux iċ-ċertifikat li huwa ħa l-vaċċin, se jkollu bżonn jagħmel test negattiv minn pajjiżi barranin biex jirritorna Malta u b’hekk tiżdied il-possibiltà ta’ skariġġ waqt safar.
Hawnhekk, il-Prim Ministru fakkar ukoll fl-attitudni tal-Gvern dwar il-vaċċin b’kuntrast mal-Oppożizzjoni.
Huwa tenna: “Immaġinak f’dawn l-aħħar xhur li kellek it-tmexxija tal-pajjiż li kieku kienet fdata f’idejn il-Partit Nazzjonalista. Immaġina meta ġejna għal dawn id-deċiżjonijiet tant diffiċli u tant kruċjali li kien ikollok sensiela ta’ deċiżjonijiet fuq in-naħa l-ħażina.”
Fuq ir-radju, il-Prim Ministru temm jgħid kemm huwa kruċjali li jinstab bilanċ bejn is-sens ta’ ottimżu mar-rieda li nibqgħu naħdmu bis-saħħa b’sens ta b‘kawtela u saqajna mal-art.
Ritratt: Arkivji