Żebbuġi ntbagħat il-ħabs u weħel multa wara li l-Pulizija sabet li kien qed ikabbar pjanti tal-kannabis fit-terazzin tiegħu. L-uffiċjali tal-Pulizija li kienu għamlu s-sejba ta’ dawn il-pjanti fir-residenza ta’ Walter Desira f’Marzu 2011 kienu sabu tnax-il pjanta tal-kannabis li kienu qed jiġu kultivati mir-raġel. Huwa kien qed iżommhom f’serrer b’dawl artifiċjali. Fir-residenza tiegħu nstabu ukoll żerriegħa tal-pjanti kannabis.
L-Ispettur Johann Fenech akkuża lil Desira bil-pussess aggravat tal-kannabis, li kollox jindika li ma kienux qed jiġu kultivati għall-użu personali tiegħu biss.
Desira qal lill-Maġistrat Neville Camilleri li beda jpejjep il-marijuana wara li beda jsibha diffiċla jorqod, minħabba mediċina li beda jieħu għall-kundizzjoni li jbagħti biha. Il-missier ta’ żewġt itfal qal li huwa kien jixtri d-droga minn persuna li kienet tmexxi d-droga fil-klabb tal-banda ta’ Ħal Qormi, iżda wara beda jkabbar il-pjanta tal-kannabis fir-residenza tiegħu. Huwa qal li qatt ma biegħ il-marijuana.
Fil-Qorti qal li huwa waqaf ipejjep il-kannabis biex isalva ż-żwieġ tiegħu, hekk kif il-mara qaltlu biex jagħżel bejn il-familja jew id-droga.
Il-Maġistrat Camilleri sab lil Desira ħati ta’ pussess ta’ droga iżda mhux li kien qed jittrafikha. Il-Qorti qalet li hekk kif ir-raġel deher li biddel il-mod ta’ kif jgħix wara perjodu diffiċli f’ħajtu, tagħtu sentenza viċin tal-minimu stabbilit bil-liġi hekk kif ingħata s-sentenza ta’ 20 xahar ħabs u ngħata l-multa ta’ €3,000.