Għaxar persuni ġew arrestati mill-Pulizija waqt rejd b’rabta ma’ traffikar ta’ droga li sar aktar kmieni dalgħodu f’żewġ residenzi fi Triq l-Isptar il-Qadim, fil-Belt Valletta u l-Marsa. L-arresti saru b’rabta mat-traffikar ta’ droga.
L-operazzjoni tmexxiet mill-Uffiċjali tar-Reati Maġġuri, bl-assistenza tal-Pulizija tad-Distrett, l-iSpecial Intervention Unit u l-Pulizija fil-Komunità tal-Belt Valletta u l-Furjana.
L-operazzjoni tal-lum bdiet għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħodu, x’ħin bdew it-tfittxijiet fir-residenzi kkonċernati wara li ħareġ mandat mill-Qorti sabiex isir dan.
Għal dawn l-aħħar jiem il-Pulizija osservat il-movumenti ta’ Maltija ta’ 30 sena u raġel mhux Malti ta’ 31 sena, li allegatament kienu qegħdin jużaw mill-inqas żewġ postijiet fi Triq l-Isptar il-Qadim, il-Belt, sabiex fihom isir it-traffikar ta’ droga.
Minn dawn ir-residenzi ġew arrestati seba’ persuni oħra; mara oħra Maltija u sitt irġiel barranin.
Minn tfittxijiet illi saru fir-residenza ġiet elevata sustanza li hu suspettat li hi kokaina, flus kontanti, ġojjellerija, u oġġetti oħra relatati mat-traffikar tad-droga.
L-operazzjoni imbagħad kompliet fil-Marsa, fejn ġiet iċċirkondata stalla fi Triq it-Tiġrija.
Hemmhekk ġie arrestat Malti ta’ 50 sena residenti ż-Żejtun u, minn tfittxija li saret f’remissa, insab ammont ta’ sustanza li hu suspettat li hi kannabis, kokaina u droga sintetika, lesta biex tiġi ttraffikata.
Dwar dan il-każ ġiet infurmata l-Maġistrat Gabriella Vella li fetħet inkjesta Maġisterjali u ħatret diversi persuni biex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.