Grupp ta’ għaxar studenti mill-għaqda tal-istudenti progressivi Pulse, li tirrappreżenta studenti Universitarji, mill MCAST u mill-Junior College, dalgħodu ħallew Malta għal Beijing, għal żjara ta’ għaxar t’ijiem fiċ-Ċina. Din iż-żjara saret possibbli bil-kuntatti li għamel il-President tal-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina, l-ex Ministru Reno Calleja, u sħabu tal-eżekuttiv li kollha huma volontiera.
Jarhom iħallu Malta kien hemm Calleja nnifsu li fakkarhom li huma qed jirrappreżentaw lil Malta u għalhekk għandhom responsabbiltà fuq spallejhom.
Iż-żgħażagħ se jkunu taħt il-ħarsien tal-istudent Karl Attard u se jieħdu sehem fil-Festival Kulturali u tal-Arti għaż-Żgħażagħ mid-dinja kollha, liema festival se jintwera fuq it-television ċiniz, u għalhekk Malta se tikseb publiċità kbira.
Oswald Balzan, assistant segretarju tal-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina u fotografu magħruf, ġie nkarigat mill-eżekuttiv tal-Għaqda biex imexxi d-delgazzjoni Maltija.
Minkejja li kienu ghadhom kif spiċċaw l-eżamijiet u waqt li qed jaħdmu fix-xhur tas-sajf, l-istudenti xorta sabu ħin biex jitħarrġu għal dawn l-ahhar ġimgħat.
Huma ltaqgħu maċ-Chairman tal-Kunsill tal-Arti, Albert Marshall u ma’ rappreżentant tal-Malta Tourism Authority.
L-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina f ‘dawn l-aħħar xahrejn kienet ferm attiva biex isaħħaħ ir-releazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina. Lejliet l-elezzjoni ġenerali, fuq stedina ta’ Calleja, ġiet Malta Madame Li Xiaolin, it-tifla tal-mejjet President Li taċ-Ċina.
Waqt din iż-żjara fil-bidu ta’ Ġunju, minkejja li kien fl-eqqel tal-kampanja elettorali, il-Prim Ministru, Joseph Muscat sab ħin jiltaqa’ ma’ Madame Li u ma’ Calleja.
L-istess għamlet il-President tar-Republika, Marie Louise Coleiro Preca.