Il-21 ta’ Ġunju 2025 jimmarka għaxar snin mit-twaqqif tal-Jum Internazzjonali tal-Yoga (IDY) mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, li ġie adottat b’mod unanimu fl-2014 minn 177 pajjiż, inkluża Malta. Dan il-jum jisħaq fuq l-importanza ta’ Yoga bħala mezz għall-benesseri mentali u fiżiku, u bħala triq għal ħajja aktar b’saħħitha u mingħajr stress.
Il-Kummissjoni Għolja tal-Indja f’Malta ilha tiċċelebra dan il-jum b’parteċipazzjoni pubblika entużjasta. Din is-sena hija waħda speċjali hekk kif tiġi mfakkra mhux biss l-10 anniversarju tal-IDY, imma wkoll is-60 anniversarju tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-Indja u Malta. F’din l-okkażjoni, se jiġu organizzati diversi attivitajiet f’Malta u f’Għawdex. Il-preparamenti jinkludu tliet attivitajiet ta’ tħejjija: f’Malta fis-31 ta’ Mejju u fit-8 ta’ Ġunju, u f’Għawdex fit-6 ta’ Ġunju ġewwa ċ-Ċittadella.
Iċ-ċelebrazzjoni prinċipali f’Malta se ssir is-Sibt 21 ta’ Ġunju fid-8:00 ta’ filgħodu fil-Barrakka ta’ Fuq, filwaqt li f’Għawdex se tkun il-Ħadd 22 ta’ Ġunju fit-5:00 ta’ filgħaxija fiċ-Ċittadella. Matul dawn l-avvenimenti, se jsiru sessjonijiet ta’ Yoga mmexxija minn istrutturi esperti li jsegwu l-Protokoll Komuni tal-Yoga, li jinkludi movimenti (asanas), nifs u meditazzjoni. Kull min għandu interess, ta’ kull età u esperjenza, jista’ jipparteċipa – bla ħtieġa ta’ għarfien minn qabel. Se jiġu pprovduti yoga mats u rifresk ħafif.
Sabiex il-parteċipazzjoni tkun organizzata sew, il-Kummissjoni Għolja qed titlob lir-residenti jirreġistraw minn qabel permezz ta’ din il-link: https://forms.gle/BeYiUJPNx42a4qr29.
Fl-istess waqt, qed jitnieda wkoll konkors online ta’ ritratti u filmati relatati mal-Yoga, miftuħ għall-pubbliku. L-aħħar ġurnata għall-preżentazzjoni tal-entrati hija t-12 ta’ Ġunju 2025 u r-rebbieħa jingħataw il-premjijiet waqt iċ-ċelebrazzjoni ewlenija f’Malta. Aktar dettalji jinsabu hawnhekk: https://drive.google.com/drive/folders/1ZvLnOswwYTE49ywPibka_whbJJbjuaK0?usp=sharing.
Dan il-jum jirrifletti x-xewqa tal-Indja għal dinja waħda aktar b’saħħitha – “Yoga għal Art Waħda, Saħħa Waħda.” Għalhekk, il-pubbliku Malti hu mistieden jingħaqad f’dan il-messaġġ globali ta’ armonija u benesseri.