Xeni ta’ għajjat, konfużjoni u fl-istess ħin ferħ minn ġellieda kontra l-forzi ta’ Gaddafi.
Għaxar snin ilu, waranofsinhar, bdiet tiġri l-aħbar li l-Kurunell Muammar Gaddafi, il-Mexxej Libjan għal erba’ deċenji, inqabad wara li pprova jaħrab mill-belt fejn twieled, Sirte.
Sa ftit tal-ħin qabel, Sirte kienet waħda mill-aħħar ibliet li waqgħet f’idejn ir-ribelli.
Gaddafi nqabad mistoħbi f’pajpijiet tad-drenaġġ wara li l-ewwel kien mistoħbi f’vilel li kienu taħt nar qawwi sparat mir-ribelli.
Kmieni filgħodu hu flimkien ma’ wieħed mit-tfal, Mutassim, kienu ppruvaw jaħarbu minn Sirte iżda l-konvoj tagħhom b’ħafna vetturi ntlaqat minn attakk tan-NATO.
Ir-ribelli mal-ewwel intebħu li xi ħadd importanti kien qed jiġi protett mill-qawwiet leali lejn Gaddafi.
Fil-fatt rapporti jgħidu li l-ġellieda ta’ Gaddafi kienu qed jiġġieldu b’qilla liema bħalha.
Malli nqabad, Gaddafi ġie msawwat u anki possibbilment ingħata daqqiet b’armi li jaqtgħu u bil-ponta.
Bid-dmija f’wiċċu tgħabba fuq vettura u mdawwar minn Libjani li ma setgħux jemmnu li qabdu l-mexxej tar-reġim li ssieltu kontrih, Gaddafi spiċċa jappella għall-ħniena u jgħid lill-ġellieda ta’ kontrih, x’għamlilhom ħażin.
Gaddafi ttieħed lejn Misrata u mal-wasla tiegħu sar magħruf li miet.
Hu u ibnu Mutassim, li miet ukoll, spiċċaw fi friża tal-laħam u l-katavri tagħhom ġew esposti għall-pubbliku Libjan għall-erbat ijiem.
Kienu xeni mill-aktar drammatiċi għal Libja li llum qed tqum fuq saqajha bil-mod.