Bħal dan iż-żmien, għaxar snin ilu, Gvern Laburista kien daħħal il-liġi storika tal-Unjoni Ċivili, waħda mill-ewwel miżuri li ħolqu rivoluzzjoni fid-drittijiet ċivili f’pajjiżna.
Fil-Parlament, Gvern Laburista, immexxi mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat, kien ressaq u vvota favur il-liġi, bil-maqlub tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, immexxija minn Simon Busuttil, li kienet iddeċidiet li tastjeni fil-vot.
B’dan il-vot storiku, twettqet miżura ewlenija mill-manifest elettorali ‘Malta Tagħna Lkoll’, li permezz tiegħu l-Partit Laburista kien irreġistra rebħa storika f’Marzu tal-2013.
Quddiem il-Parlament l-antik, fi Pjazza San Ġorġ, saru ċelebrazzjonijiet kbar hekk kif tħabbar ir-riżultat Parlamentari li ta aktar drittijiet, inkluż lil koppji tal-istess sess, li kienu ilhom snin jiġġieldu għalihom, iżda Gvernijiet Nazzjonalisti dejjem opponewhom.
Mal-ħruġ tal-membri Parlamentari Nazzjonalisti kien hemm saħansitra bbuwjar sħiħ mill-folla kbira preżenti.
Il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat, kien iddeskriva dan il-vot bħala pass ’il quddiem għall-ugwaljanza. Hawnhekk ġie nnotat kif il-Partit Nazzjonalista baqa’ kontra l-bidla.
Dan il-vot witta t-triq biex tliet snin wara wkoll iddaħħal fis-seħħ iż-żwieġ għall-koppji tal-istess sess, waqt li kien il-bidu biex pajjiżna minn qiegħ il-klassifika tad-drittijiet ugwali jispara lejn il-quċċata fejn issa ilu jiddominaha għal dawn l-aħħar tmin snin konsekuttivi.