Geraldine Mora Huizi mill-Venezwela kienet ikkundannata għaxar snin ħabs u mmultata ħamsa u għoxrin elf ewro wara li ammettiet li daħlet f’pajjiżna madwar tlieta u disgħin kapsula fl-istonku mimlija kokaina.
Fil-Qorti ntqal kif il-każ ġara lura f’Novembru tal-elfejn u sittax, meta l-Pulizija interċettat lil raġel mill-Venezwela bl-isem ta’ David Rafael Castillo fl-ajruport wara informazzjoni li kien se jdaħħal id-droga.
Il-Pulizija rriżultalha li r-raġel kien ibbukkja għal persuna oħra f’lukanda f’Buġibba u meta l-pulizija marret fuq il-post sabet il-mara tirrametti l-kapsuli. B’kollox fil-kapsuli kien hemm kilo kokaina, li l-valur tagħha huwa ta’ disgħa u sittin elf ewro.