Żagħżugħ ta’ 25 sena weħel għaxar snin ħabs wara li nstab ħati fuq akkużi relatati ma’ abbuż u stupru fuq kuġintu meta kienet fl-età tenera ta’ 10 snin.
Kien aktar kmieni din il-ġimgħa li l-każ tressaq b’ġuri biż-żagħżugħ ikun akkużat li abbuża minn kuġintu fuq medda ta’ seba’ snin u f’każ minnhom kien mixli li stupraha.
Il-każ deher fil-Qorti quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera fejn semgħet l-evidenza kontra l-akkużat, li ismu mhux qed jissemma’ fuq ordni tal-Qorti sabiex jipproteġġu l-identità tal-vittma, ġie mixli li pparteċipa f’attività sesswali ma’ minuri u li kkorrompa lil kuġintu.
L-avukati tal-akkużat Franco Debono u Marion Camilleri spjegaw kif l-akkużat ċaħad kemm-il darba li abbuża sesswalment minn kuġintu bejn l-etajiet ta’ seba’ snin u 14-il sena, kif ukoll li stupraha.
Wara li l-Qorti semgħet l-evidenza kollha, saħansitra anke xhieda mingħand qraba u ġirien, hi emmnet il-verżjoni tat-tifla.
Min-naħa tal-Avukat Ġenerali dehru l-avukati Nadia Attard, Charles Mercieca u Matthew Xuereb. Id-difiża tmexxiet mill-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.