L-organiżżaturi tal-edizzjoni Maltija tal-Wiki Love Monuments illum preżentaw lill-għaxar rebbieħa Maltin bi premijiet f’ċerimonja ġewwa Spazzju Kreattiv fil-Belt Valletta.
Il-kompetizzjoni Wiki Loves Monuments hija rrikonoxxuta mill Guinness World Record bħala l-akbar kompetizzjoni tal-fotografija u tiġbor fiha sottomissjonijiet u parteċipanti minn 52 pajjiż differenti.
Sottomissjonijiet li jinkludu ritratti ta’ monumenti li jirrapreżentaw il-wirt kulturali tal-pajjiż ikkonċernat. Din is-sena 5,600 ritratt ġie sottomess fl-edizzjoni Maltija u 230,000 ritratt ġew sottomessi minn madwar id-dinja. Ir-rebbieħ ta’ din il-kompetizzjoni kien George Formosa li presenta ritratt mill-ajru taċ-Ċittadella f’Għawdex.
L-għaxar rebbieħa ukoll awtomatikament kwalifikaw għall-finali tal-kompetizzjoni globali li tiġbor il-finalisti minn 52 pajjiż differenti.