Numru kbir ta’ persuni kienu involuti fi ġlieda kbira fi Triq Joseph Abela Scolaro, biswit dik li kienet l-iskola sekondarja ta’ Marija Assunta fil-Ħamrun.
One News jinsab informat li l-ġlieda nqalgħet għall-ħabta tas-sitta u nofs tal-lejla meta allegatament żewġ familji stiednu lil xulxin għal ġlied, b’membru ta’ waħda minnhom jinqatel is-sena l-oħra tefa’ ta’ ġebla ‘l bogħod minn fejn inqala’ l-argument illejla.
Xhieda fuq il-post qalu li l-ġlieda eskalat b’tali mod li persuna allegatament saq il-karozza tiegħu f’karozza oħra li kienet ipparkjata.
Allegatament is-sewwieq ħarab minn fuq il-post. Kien f’dan il-mument li allegatament intuża l-ħadid waqt il-ġlieda, b’numru ta’ persuni ittieħdu l-isptar Mater Dei b’ambulanza wara li sofrew minn xi ġrieħi.
Huwa mifhum ukoll li f’din il-ġlieda indarbu ukoll xi tfal.
Sorsi minn fuq il-post qalu lil ONE NEWS li b’rabta ma’ din il-ġlieda ġew arrestati erba’ persuni. Fuq il-post waslu numru ta’ ambulanzi flimkien mat-tabib tal-emerġenza filwaqt li kien hemm preżenza qawwija ta’ pulizija mit-taqsima tar-Rapid Intervention Unit biex tiġi kkontrollata s-sitwazzjoni.
Dan hekk kif il-ġlieda kompliet teskala tant li fuq il-post bdew jinġabru aktar nies. Il-kundizzjoni tal-persuni li ndarbu f’din il-ġlieda għadha mhux magħrufa. L-investigazzjoni tal-Pulizija għadhom għaddejjin.