Ir-reġjun ta’ Hong Kong se jimponi miżura mandatorja biex mis-Sibt li ġej, dawk kollha li jaslu mir-reġjuni l-oħra fiċ-Ċina jinżammu kwarantina għal 14-il jum.
Din il-bidla se tidħol fis-seħħ wara li l-awtoritajiet tar-reġjun irrifjutaw li jgħalqu l-fruntiera mal-kumplament taċ-Ċina hekk kif mitluba mill-ħaddiema fl-isptarijiet li fl-aħħar jiem ħarġu fuq strajk.
Intant, minn tal-inqas 10 persuni abbord cruise liner li trakka fil-port Ġappuniż ta’ Yokohama ttestjaw fil-pożittiv għall-Coronavirus.
Mit-tlett elef u seba’ mitt passiġġier abbord il-vapur Diamond Princess, ġew ittestjati tliet mija, wara li anzjan ta’ tmenin sena minn Hong Kong beda juri s-sintomi tal-virus.
Mindu feġġ il-Coronavirus, fiċ-Ċina ġew ikkonfermati aktar minn 24,300 każ, u bih mietu 490 persuna.
Ritratt: BBC News