Illum fil-Parlament, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, ressaq għall-ewwel qari għaxar abbozzi ta’ liġijiet b’rabta mar-riformi li se jsiru fil-ġudikatura, fit-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba.
Fost l-abbozzi hemm dawk dwar il-bidla fil-mod kif jinħatar il-President tar-Repubblika, ħatriet ta’ Mħallfin u Maġistrati, ħatra ta’ Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni u bidliet fil-liġjiet relattivi għall-ħatra ta’ persuni ta’ fiduċja.
Fi stqarrija ntqal li l-Gvern immexxi minn Robert Abela jinsab imħejji għall-proċess ta’ riformi li prattikament wasal f’ħoġor il-Kamra tad-Deputati f’perjodu ta’ ħames xhur.
“Dan juri is-serjetà u r-rieda politika tal-Gvern li jsaħħaħ l-istituzzjonijiet f’pajjiżna”, saħaq il-Ministru Edward Zammit Lewis.
Il-Kummissjoni Venezja laqgħet prattikament ir-rakkomdanzzjonijiet kollha tal-Gvern Malti li aċċenna li dawn ir-riformi mhux se jibqgħu fuq il-karta iżda se jgħaddu bħala liġijiet mill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.