Għaxar Kunsilli Lokali ħadu tliet mija u ħamsin elf ewro biex jimmordenizzaw l-ibliet u l-irħula tagħhom b’aktar mobilità sostenibbli.
Uħud mill-inizjattivi li se jitwettqu mill-Kunsilli Lokali huma marbuta mal-kunċett ta’ ‘slow streets’, fejn fost l-oħrajn ċertu żoni fir-raħal jew belt ikunu pedonali.
L-inizjattiva, li se tkun amministrata mill-Kunsilli Lokali rispettivi, bdiet mill-viżjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u hija mibnija fuq erba’ pilastri.
Qal, “Li għandek il-mobilità sostenibbli, l-ispazji miftuħa, l-ambjent urban u ‘smart cities’. Għaldaqstant, dan il-proġett qed jaħseb biex jagħti l-lokalitajiet lura lir-residenti b’mod illi nibdlu l-prijorità tal-mod tal-ħsieb tagħna li permezz ta’ spazji u kurituri siguri fil-lokalitajiet tagħna nipprovdu aċċessibilità u infrastruttura għar-residenti tagħna biex inħajruhom jużaw il-mixi, r-rota jew inkella mezzi alternattivi oħra ta’ trasport aktar nodfa milli l-vetturi privati tagħhom.”
Kienu sottometti tlieta u erbgħin applikazzjoni u l-għaxar Kunsilli li rċievew il-fondi sa issa huma dawk tal-Imsida, il-Fgura, in-Naxxar, San Ġiljan, l-Iklin, Ħal Safi, Ħad-Dingli, ix-Xewkija u l-Munxar.
Il-Ministru għall-Gvern Lokali, José Herrera, sostna kif fiċ-ċokon ta’ pajjiżna rridu nnaqsu l-emmissjonijiet mill-qalba tal-irħula.
Spjega, “Inti biex timxi favur l-ambjent f’pajjiż bħal Malta fejn għandek konġestjoni kbira ta’ traffiku u ‘l fuq minn erba’ mitt elf karozza tfisser li rridu nnaqsu l-emmissjonijiet, fejn nistgħu nnaqsu l-emissjonijiet.”
Il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg saħaq kif dan it-tip ta’ tibdil jirrikjedi kuraġġ politiku fuq livell lokali.
Qal, “It-toroq jgħaddu minnhom il-karozzi imma nsejna ħafna drabi li t-toroq jużawhom in-nies bil-mixi, bir-rota, bl-e-scooters u modi oħrajn ta’ trasport u mobilità. U aħna qed ngħinu għaliex nemmnu li fil-qalba tal-lokalitajiet għandhom jerġgħu jingħataw il-prijorità lin-nies.”