Fl-aħħar sigħat, feġġew għaxar każijiet ġodda ta’ Coronavirus, filwaqt li fiequ disa’ persuni oħra biex b’hekk it-total ta’ persuni mfejqa tela’ għal wieħed u disgħin.
Il-każijiet il-ġodda ħarġu pożittivi minn fost elf u disgħin test, biex in-numru ta’ persuni nfettati f’Malta mindu feġġ l-ewwel każ f’pajjiżna, tela’ għal erba’ mija u tnejn u għoxrin.
Jekk wieħed inaqqas il-persuni li fiequ u t-tlieta li tilfu ħajjithom kawża tal-COVID-19, il-każijiet pożittivi bħalissa f’Malta huma tliet mija u tmienja u għoxrin.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, spjegat li fost il-każijiet il-ġodda hemm wieħed relatat ma’ safar: tfajla ta’ wieħed u tletin sena li ġiet lura mill-Ingilterra fit-tnax ta’ April f’titjira ta’ ripatrijazzjoni, u bdiet bis-sintomi meta kienet fi kwarantina.
Hemm tliet każijiet ta’ barranin li jgħixu Malta. Dawn huma raġel ta’ sitta u tletin sena mill-Kolombja li beda bis-sintomi fl-erbatax ta’ April u ma marx għax-xogħol, Ingliż ta’ ħamsa u tletin sena li beda bis-sintomi fl-għaxra ta’ April u kien qed jaħdem mid-dar, u raġel min-Nepal ta’ disgħa u għoxrin sena li kien kuntatt ta’ każ ieħor li rriżulta fil-pożittiv fit-tlettax ta’ April.
Irriżulta fil-pożittiv ukoll Malti ta’ wieħed u sittin sena li beda bis-sintomi fis-sebgħa ta’ April u li ma kienx qed jaħdem.
Hemm ukoll infettat, Malti ta’ erbgħa u għoxrin sena li beda bis-sintomi fit-tlettax ta’ April. Huwa kien ix-xogħol imma ma damx u ma kellux wisq kuntatt man-nies però għaddej eżerċizzju ta’ identifikazzjoni fuq il-post tax-xogħol u anki ma’ qraba.
Irriżultat pożittiva Maltija ta’ disgħa u għoxrin sena li taħdem bħala ħaddiema fir-Residenza San Vinċenz de Paul, biex issa telgħu għal tnejn l-impjegati fl-istess residenza li rriżultaw pożittivi.
It-tliet każijiet l-oħra huma immigranti fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far, li jinsabu kollha kwarantina. Dawn irriżultaw pożittivi fost għoxrin test ieħor li saru fl-aħħar sigħat. Il-persuni pożittivi huma rġiel mis-Sudan ta’ tletin sena, erbgħa u għoxrin sena, u sitta u għoxrin sena. In-numru ta’ immigranti nfettati f’dan iċ-Ċentru tela’ għal erbgħa u tletin.
Il-Professur Charmaine Gauci fakkret li l-immigranti li waslu Malta fl-aħħar jiem, ġew ittestjati kollha u ħarġu negattivi, u qed jinżammu fi kwarantina u f’iżolament minn immigranti oħra.
“Dawn poġġejinihom kwarantina għal żewġ raġunijiet, kemm biex nipproteġu lilhom stess li ma jitħalltux ma’ nies oħrajn li jista’ jkollhom il-virus imma wkoll għaliex aħna nafu li ċertu nies – bħal immigranti – li jkunu ġew minn areas fejn hemm riskju ta’ mard ieħor, ikunu qed inkomplu nsegwuhom.”
Il-Professur Gauci tenniet li għalkemm in-numri huma żgħar, dan ma jfissirx li wasal iż-żmien li jitneħħew il-miżuri.
Saħqet li l-awtoritajiet tas-saħħa qed isegwu mill-qrib kemm il-virus qed jittieħed minn persuna għall-oħra, fl-istess waqt kemm is-sistema tas-saħħa f’pajjiżna tiflaħ għal każijiet f’daqqa.
“Aħna għandna bħalissa nkomplu nsegwu r-regoli. Sakemm aħna ma ngħidulkomx mod ieħor, importanti tibqgħu taraw li intom iżżommu ruħkom protetti, nibqgħu ftit ieħor id-dar, jasal iż-żmien li nkunu nistgħu noħorġu ħalli aħna nkunu nistgħu nipproteġu lilna nfusna, l-aħħar messaġġ dejjem ipproteġu lin-nies vulnerabbli, ħudu ħsiebhom però toqgħodux qrib tagħhom.”
Intant, fi stqarrija, il-Ministeru tas-Saħħa qal li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex huwa mgħammar b’mija u għoxrin sodda għall-pazjenti bil-Coronavirus wara li ġew rikolati l-pazjenti anzjani li kienu qed jokkupaw is-Sala Sant’Anna fl-istess sptar.
Dawn l-anzjani kienu rilokati f’akkomodazzjoni liċenzjata fir-Rabat Għawdex, f’binja li ġiet mgħammra bl-esiġenzi kollha għal dar tal-anzjani. Din l-akkomodazzjoni tista’ tilqa’ sa għoxrin anzjan ieħor, kemm il-darba jinqala’ l-bżonn.