Il-firxa wiesgħa ta’ art li tikkonsisti minnha r-riserva naturali tal-Għadira, wasslet biex tmien fjamingi li kienu qed ipassu, niżlu jistrieħu ħdejn żewġ fjamingi oħra li jgħixu fir-riserva.
Nhar is-Sibt li għadda, qata ta’ sittin fjamingu deheru għaddejjin minn fuq pajjiżna, bi tmienja minn dawn, li għadhom żgħar, ħassewhom għajjenin u ddeċidew li jieqfu jistrieħu.
Fil-fatt, fi kliem Ray Vella mill-Birdlife, huwa rari mmens li f’pajjiżna jinżel numru mdaqqas hekk ta’ fjamingi f’daqqa.
Qal li “Bħalissa għandna għaxra, li huwa rekord għal hawnhekk, minħabba li l-iktar li jkollna xi tnejn.. imma kellna tnejn hawnehkk, u s-Sibt li għaddha għaddiet qata kbira kien fiha madwar sittin, u tmienja minnhom inqatgħu, kienu frieħ, u dehrilhom li jinżlu hawn u sal-lum għadhom hawnhekk.”
Spjega li meta jkollhom każ bħal dan, dejjem jaraw li javżaw lill-ħaddiema tas-sigurtà, biex jassikuraw li ma jsir ebda tentattiv li jittieħed xi fjamingu.
Qal li iktar minn hekk m’hemm xejn iktar xi jsir minn naħa tal-Birdlife, hekk kif dawn huma għasafar selvaġġi, li jiġu u jmorru meta jixtiequ.
Is-Sur Vella semma wkoll il-fjamingu li l-Ħadd li għadda għoġbu jinżel ir-Ramla l-Ħamra. Skont hu, ma tantx hi normali li fjamingu jinżel qalb id-deckchairs.
Vella qal li “Dak l-għasfur issa inġabar, qiegħed taħt kura veterinarja bħalissa, u qed jiġi trattat b’xi antibiotics ukoll sakemm jiġi rilaxxat.”
Żied jgħid li fortunantament, il-popolazzjoni tal-fjamingu hija waħda li kulma jmur qed tiżdied. Dan hekk kif anke fil-Mediterran, bħal fi Sqallija, dawn qed ibejtu ferm.
Dan il-fattur qed iwassal biex ir-riserva tal-Għadira, u riservi oħrajn, jospitaw iktar fjamingi.
Fattur li, kif spjega l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Birdlife, Nathaniel Attard, iwassal iktar nies jattendu, bħalma ġara f’attività speċjali l-Erbgħa filgħodu, meta r-riserva infetħet apposta biex in-nies jaraw il-fjamingi.
Attard spjega kif “Iddeċidejna li niftħu r-riserva minħabba li nkunu qed nagħmlu maintenance, għasafar ma jkun hawn xejn, avolja r-riservi kollha fix-xitwa jkunu miftuħin b’xejn.. Pero din id-darba minħabba l-passa tal-fjamingi u tmienja minnhom spiċċaw hawnhekk, ħassejna li għandna niftħu għall-pubbliku, biex anke l-pubbliku jkun jista jgawdihom.”
Is-Sur Attard, fakkar kif is-Sibt li ġej, se terġa’ ssir open day, bejn is-sebgħa u l-għaxra ta’ filgħodu, biex il-pubbliku jgawdi dawn il-fjamingi.