Il-Gvern irċieva għaxar boroż ta’ studju mill-American University of Malta (AUM), li jammontaw għal aktar minn €300,000 u se jkun qiegħed immedjatament joffrihom lill-istudenti f’pajjiżna biex ikollhom aktar opportunitajiet ġodda u varji fuq livell undergraduate.
Dan huwa parti mit-twettiq tal-ftehim ta’ mija u għoxrin miljun ewro li ż-żewġ partijiet iffirmaw f’dan l-ikbar investiment barrani li qatt kellu pajjiżna fis-settur edukattiv. Id-deċiżjoni li Malta jkollha università oħra, u għalhekk pluraliżmu fil-qasam tal-edukazzjoni terzjarja, qed tissarraf fil-ftuħ ta’ bibien ġodda għall-istudenti tagħna li, f’Settembru li ġej, jingħaqdu mal-ewwel grupp ta’ studenti barranin fil-binja tal-AUM max-xatt ta’ Bormla.
Ix-xelta iktar wiesgħa ta’ korsijiet undergraduate għall-istudenti tagħna tfisser li aktar żgħażagħ se jkunu ppreparati biex jidħlu fil-postijiet tax-xogħol li qed jinħolqu bla preċedent f’pajjiżna, b’rata ta’ qgħad li hija l-inqas fl-istorja. Għalhekk il-Gvern iħares lejn l-edukazzjoni bħala investiment u se jkompli jistinka biex ikun f’pożizzjoni li joffri aktar boroż ta’ studju lill-istudenti.
Dawn l-10 boroż ta’ studju jinvolvu tliet programmi differenti mifruxa fuq erba’ snin, li huma ‘Bachelor of Science in Accounting’, ‘Bachelor of Science in Business Administration’, u ‘Bachelor of Science in Game Development’.
Il-Gvern se jkun qed jagħti wkoll stipendji lil dawn l-għaxar studenti li jingħataw il-boroż ta’ studju fl-Università Amerikana f’Malta, dan għaliex jemmen li kull ewro minfuq fl-edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja, inkluż fl-għoti ta’ stipendji, huwa fundamentali għas-suċċess ekonomiku u soċjali ta’ Malta u Għawdex.
L-applikazzjonijiet għal dawn il-boroż ta’ studju huma miftuħa sal-20 t’Awwissu 2017 fuq is-sit elettroniku www.edu.gov.mt/aum.