Sittin siġġu tar-roti, tmenin saqqu mimli bl-arja u għaxar lifters.
Dan hu uħud mill-apparat mixtri primarjament għall-isptar San Vincenz De Paul, imma anke għad-djar fil-komunità, u Monte Karmeli.
Apparat li nxtara mill-Welfare Fund, biex l-anzjani fid-djar tal-anzjani kemm jista’ jkun jgħixu ħajja ta’ kwalità.
Xogħol il-Welfare Fund huwa li fejn ma jasalx il-baġit ta’ San Vinċenz u djar oħra fil-komunità flimkien ma’ Monte Karmeli, ikun hu li jipprovdi servizz ta’ kwalità għal ħajja aħjar.
Minbarra l-apparat bżonnjuz, il-kumitat jorganizza festini, u żied il-baġit biex jagħti rigali ta’ kwalità lill-anzjani f’okkażjonijiet speċjali bħal għeluq sninhom u l-Milied.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru Michael Farrugia, il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vincenz De Paul, Josiannae Cutajar, u ċ-Chairman tal-Welfare Committee Joe Fava.
Il-Ministru għall-Famlja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrguia innota l-bżonn li SVDP ikollu komunikazzjoni aħjar mal-Isptar Mater Dei. Fil-fatt din is-sena f’San Vinċenz kienet introdotta is-sistema iSoft, biex it-tobba f’San Vinċenz stess ikunu jistgħu jaċċessaw informazzjoni u riżultati mediċi tar-residenti.
Barra minn hekk, is-sena d-dieħla se tiddaħħal X-Ray diġitali f’San Vinċenz. Sistema li ha tneħħi l-iskariġġ lejn Mater Dei, hekk kif ir-residenti jkunu jistgħu jagħmlu dan fir-residenza stess, u jittieħdu l-isptar biss jekk ikun fil-bżonn.