Fi stqarrija ffirmata minn Karol Aquilina, il-perċimes tal-faxxa estremista li tmexxi lil Bernard Grech minn imnieħru, ħareġ ċar kemm tal-Partit Nazzjonalista huma ddisprati għall-poter tant li nfexxu jheddu biex isaħħnu l-irjus tan-nies. Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista, b’reazzjoni għal stqarrija ffirmata minn Aquilina li hedded li jniżżel in-nies fit-toroq.
Il-Partit Laburista qal li issa addio rule of law u addio “ħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu” għax Aquilina, f’waħda mis-soliti dagħdiegħa tiegħu ta’ fanatiċiżmu politiku, infexx jgħajjar u jhedded, mingħalih, lill-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Prim Ministru mhu se jibża’ mill-ebda theddid ta’ politiku ddisprat bħalma huwa Karol Aquilina, imma jħalli l-proċeduri legali jieħdu l-perkors tagħhom, u jħalli l-Qrati u l-istituzzjonijiet jaħdmu bil-libertà sħiħa ħalli l-ġustizzja ssir kif suppost.
L-istess Aquilina, li sa ftit tal-ġimgħat ilu l-politiku Nazzjonalista fallut, Jason Azzopardi, sejjaħlu buġarrun, imma issa reġgħu ‘tgħannqu’ f’dagħdiegħa ta’ mibegħda kontra Gvern Laburista, infexx ukoll jattakka, bi ħdura nsensata, lill-Avukat Ġenerali.
Xejn ġdid. Il-klikka mikula minn ħdura politika ma tafx aħjar. Minflok tagħmel argumenti responsabbli tinfexx tgħajjar, thedded u tiħdar.
“Vera l-każ li, fil-ġenn li għandhom biex jaħtfu l-pajjiż f’idejhom, tilfu rasu. Il-ħdura li għandhom lejn ħaddiehor ġennithom”, temm jgħid il-Partit Laburista f’din l-istqarrija.