Fi stqarrija Tony Zarb qal li l-bieraħ filgħaxija kien infurmat li l-blogger Daphne Caruana Galizia ħarġet aħbar esklussiva fejn ħabbret li l-account tiegħu fuq Facebook ġie mwaqqaf b’mod immedjat. Zarb spjega li hu jattribwixxi dan kollu ma’ attentat li ġej mingħand dawk li qed jiddejqu għax hu qed jiddefendi lill-pajjiż minn dawk li għamlu hsara, kemm Maltin kif ukoll dawk mill-Unjoni Ewropea.
Zarb sostna li din turi ipokrezija grassa għax l-attentat li sar fuqu ġej “mill-istess nies li tgħidx kemm tħambqu favur id-dritt tal-espressjoni, mhux biss, imma saħansitra anke niżżlu n-nies fit-toroq biex jipprotestaw. Jidher biċ-ċar li hawn min qed jiddejjaq ħafna għall-fatt li ma’ kull ġurnata li tgħaddi aktar nies qed isegwu l-messaġġi tiegħi. Jien nixtieq nirringrazzja lil dawk l-eluf ta’ segwaċi tiegħi fuq Facebook u niskuża ruħi magħhom li minħabba dan l-attentat orkestrat biex jgħalquli ħalqi mhux qiegħed f’pożizzjoni li ngħamel kuntatt magħhom.”
Hu qal “Inwiegħdkom li se nipprova nagħmel dak kollu possibbli biex il-kuntatt bejnietna jibqa’ jsir. Jiena kburi li flimkien ma’ eluf kbar oħra qed niddefendu lil pajjiżna. Niggarantixxi li hekk se nkompli nagħmel ikunu x’ikunu ċ-ċirkostanzi.”
Zarb temm l-istqarrija billi qal “niddikjara li jien għal kuntrarju ta’ dak li qed jgħidu xi wħud, għaliex hekk jaqblilhom, jien mhux mibgħeda għandi iżda mħabba lejn Malta pajjiżi.”