Il-kantanta Petra Zammit li fil-passat għaddiet minn esperjenza ta’ vjolenza domestika stqarret kif kienet sabet min irredikolaha jew tmejjel biha meta tkellmet dwar din il-pjaga.
Petra reġgħet tenniet kemm hija diffiċli sabiex toħroġ mill-vjolenza domestika u qalet li din it-tip ta’ vjolenza hija komuni aktar milli naħsbu kemm fuq in-nisa u anke fuq l-irġiel. B’kitba permezz tal-midja soċjali tagħha, l-kantanta tiddeskrivi lill-aggressuri bħala xjaten li jaħsbu li għandhom xi poter li jistgħu jweġġgħu jew joqtlu lil ħaddieħor għal pjaċir jew biex iħossuhom superjuri jew dominanti.

Irridu nistennew li jmut xi ħadd biex iqum kaos? Staqsiet Petra. F’kitbietha hija espremiet id-dieqa li f’każijiet simili, tgħaddi ġimgħa jew ftit jiem u ninsew kollox, qisu qatt ma kien xejn. Appellat biex kuljum inkunu aktar konxji kemm din it-tip ta’ vjolenza hija komuni u jekk inkunu nafu b’xi każ, għandna nirrikoru mal-ewwel għal għajnuna, għax meta jkun hemm mewt ikun tard wisq.
Lilhin mill-każ personali tagħha, l-Kantanta, bħal ħafna oħrajn fuq il-midja soċjali, ttemmet il-kitba tagħha b’tislima lil Paulina, il-vittma ta’ qtil brutali f’tas-Sliema.