Mumenti drammatiċi waqt il-kampjonati tad-dinja tal-Għawm Artistiku li qed isiru f’Budapest l-Ungerija.
Waqt il-kompetizzjoni Freestyle Individwali, l-għawwiema amerikana Anita Alvarez intilfet minn sensiha u baqgħet nieżla fil-qiegħ tal-pool.
Alvarez kienet għada kif lestiet il-koreografija tagħha hekk kif għal xi raġuni ħassa ħażin u niżlet f’qiegħ l-ilma.
Il-coach tagħha Andrea Fuentes mall-ewwel qabżet fil-pool sabiex itella’ lil Alvarez fil-wiċċ.
Kif ittellgħet fil-wiċċ, Alvarez kienet mitlufa għall-kollox minn sensiha u ma bdietx tieħu nifs. Hija ttieħdet mall-ewwel fiċ-ċentru mediku. Fi stqarrija aktar tard it-team amerikan ħabbar li Alvarez kienet reġgħet ġiet f’sensiha u rkuprat. Hija saħansitra qed tittama li għada terga’ tkun fl-azzjoni, din id-darba fil-kompetizzjoni tat-timijiet.
Jidher li din mhiex l-ewwel darba li Anita Alvarez kellha dan it-tip ta’ inċident. Sena ilu fi Spanja, l-istess għawwiema kienet ukoll intilfet minn sensiha fil-pool u anke dak-in nhar kienet il-coach tagħha li salvata.