Wara l-bidu b’suċċess tagħhom fl-iSlovakia Swimming Cup, l-għawwiema Maltin komplew jiksbu wirjiet tajbin u jtejbu l-ħinijiet tagħhom.
Ħdax-il għawwiem ikkwalifikaw ukoll għall-Finali ta’ wara nofsinhar.
Il-qofol tat-tieni ġurnata ta’ kompetizzjoni għal Malta kien ir-Rekord Nazzjonali tax-Short Course miksub fl-avveniment Women 800m Freestyle minn Sasha Gatt li tejbet ir-rekord preċedenti tagħha ta’ 08:48.35.
Gatt kisbet ir-rekord fl-ewwel jum tal-kompetizzjoni bħala split-time fl-Avveniment tal-1500m. Il-ħin kien titjib ta’ aktar minn 10 sekondi meta għammet id-distanza f’ħin Short Course National Record ta’ 08:38.74.
Sasha għal darb’oħra kisret ir-rekord tal-iSlovakia Swimming Cup meet u rebħet il-Midalja tad-Deheb.
Il-kompetizzjoni tispiċċa nhar il-Ħadd bit-tielet jum ta’ kompetizzjoni.