Għawdxija li meta Angelina Jolie u Brad Pitt ġew jiġbdu By The Sea f’Imġarr ix-Xini kellha l-pjani tat-tieġ tagħha mħarbta, issa trid toffri medjazzjoni lill-koppja ċelebri li din il-ġimgħa ddominat id-dinja tal-ispettaklu, bl-aħbar tad-divorzju. Maria Arpa, li orġinarjament hi minn Marsalforn, tkellmet dwar dan mat-Times of Malta u spjegat li hi u żewġha David Ellis huma fost il-medjaturi ewlenin fir-Renju Unit, fejn jgħixu.
“Għandna fama tajba li ngħinu l-koppji jew jirrikonċiljaw jew inkella jtemmu r-relazzjoni bl-inqas inkwiet possibbli,” qalet Arpa li saħqet kif f’każi bħal dawn it-tfal m’għandhomx ikunu esposti u għandu jkun żgurat li ma jsofrux. Mistoqsija dwar Brangelina u kif dawn ħarbtu –tieġ tagħhom hi qalet li d-dispjaċir ewlieni tagħha kien li Jolie u Pitt m’urew ebda simpatija għall-mod kif tħassru l-pjanijiet. Għalkemm qalet li hi ma żżommx f’qalbha u għalkemm m’għandiex kuntatt mal-koppja, xtaqet tgħin.