Inċident xokkanti li seħħ f’Melbourne fl-Awstralja ħasad il-ħajja ta’ Għawdxija ta’ 46 sena bl-isem ta’ MaryAnne Cutajar.
MaryAnne, li ilha tgħix l-Awstralja għal dawn l-aħħar tletin sena, tilfet ħajjitha waqt li kienet qed issuq meta waqa’ oġġett minn fuq trakk li kien qed isuq fuq in-naħa l-oħra tat-triq f’St Albans.
L-oġġett tal-ħadid, li x’aktarx kienet rampa li tintuża waqt operazzjonijiet ta’ manifattura, jidher li nqalgħet minn wara tat-trakk bil-konsegwenza li taret minn mat-trakk dirett għall-karozza tagħha.
Ix-xufier tat-trakk baqa’ sejjer fejn kawża ta’ hekk bdiet investigazzjoni urġenti mill-Pulizija.
Bosta jinsabu xxokkjati b’din l-aħbar hekk kif l-inċident hu wieħed li ma jitwemminx.
Deskritta minn familtha bħala mara vibranti u dejjem lesta biex tgħin, kienu bosta li qasmu mumenti li kellhom magħha permezz ta’ messaġġi fuq Facebook.