Joseph Haber ta’ 52 sena, mir-Rabat Għawdex, ġie kkundanat ħames sin ħabs wara li nstab ħati li kkorrompa bi vjolenza il-pudur ta’ tifel ta’ 15 il-sena, u ħa sehem f’attivitajiet sesswali miegħu.
Il-każ seħħ sitt snin ilu, meta l-Pulizija waslilha rapport dwar allegat każ ta’ abbuż fuq tifel ta’ 15 il-sena li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-qorti. Jidher li kemm l-imputat u l-vittma kienu jgħixu fl-istess dar.
Fil-Qorti ntqal li l-vittma kien tkellem ma’ ommu fejn stqarr li waqt kien qed imur f’post li wkoll ma jistax jissemma, għamel ħabib ma’ raġel ta’ 50 sena, li kien qed jidħol jarah jinħasel u mingħajr ħwejjeġ. Irriżulta wkoll li ġieli mar fir-residenza tal-imputat u hemmhekk kellu attivita’ sesswali mal-imputat.
Wara dan ir-rapport il-minuri ġie mitkellem mill-Pulizija fil-preżenza ta’ ħaddiem soċċjali. Il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ kontra l-vizzji reġgħet kellmet lill-vittma fejn reġa’ allega li ġie abbużat fir-residenza tal-imputat fi tliet każijiet spearati.
Il-Pulizija bis-saħħa ta’ mandat maħruġ mill-Maġistrat Josette Demicoli arrestat lil Haber. Huwa ammetta mal-Pulizija li kellu attività sesswali mal-minuri.
Il-minuri xehed quddiem il-qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud li l-imputat beda juri kunfidenza żejda. Qal kif kien l-imputat li talab in-numru tat-tifel biex ikun jista’ jikkuntattjah. Il-vitta xehed li wara ċempillu biex jiltaqgħu u jurih l-għasafar li kellu d-dar kif ukoll il-kelb sabiħ li kien kellmu dwaru. Kien hawn li Haber beda jabbuża mit-tifel u jmiss partijiet privati f’għadd ta’ okkazzjonijiet.
Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Mifsud ikkundana lil Haber ħames snin ħabs u ordnalu jħallas kważi elf u sitt mitt ewro fi spejjeż tal-qorti.
Il-Maġistrat Mifsud ordna wkoll li Haber jitpoġġa taħt Ordni ta’ Trattament għal tliet snin sabiex jingħata l-għajnuna psikoloġika u psikjatrika meħtieġa biex jindirizza l-ġibdiet sesswali tiegħu fil-konfront tal-minuri.