Raġel ta’ 63 sena mill-Għarb, Għawdex, jinsab fil-periklu tal-mewt wara li ġarrab grieħi serji meta l-mutur tiegħu kien involut f’ħabta ma’ karozza misjuqa minn raġel ta’ 54 sena residenti l-Mosta.
L-aċċident seħħ fi Triq l-Imġarr, l-Imġarr, għall-ħabta tat-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar.

Minn stħarriġ preliminari tal-Pulizija fuq il-post, irriżulta li kienet seħħet il-ħabta bejn Toyota Starlet u mutur Honda. Fuq il-post issejjaħ tim mediku, waqt li ambulanza ħadet lis-sewwieq tal-mutur fl-Isptar Mater Dei.
Il-Maġistrat Ian Farrugia ġie informat bil-każ u ħatar inkjesta, waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.