Is-servizzi soċjali m’għandhomx jieqfu ċ-Ċirkewwa.
Din kienet it-tema tal-konferenza mtella’ mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali flimkien mal-Ministeru għal Għawdex fil-gżira tat-tliet għoljiet.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri sostna li s-servizzi soċjali b’risq persuni vulnerabbli huma mhux biss estiżi f’Għawdex imma tal-istess kwalità bħal Malta.
Semma wkoll il-kollaborazzjoni interministerjali mal-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon li hija kruċjali anki għall-ġid tal-Għawdxin u ta’ dawk li jkunu jeħtieġu l-għajnuna.
Ġew elenkati bosta miżuri mill-Gvern li jkomplu jpoġġu s-servizzi soċjali jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika. Fosthom l-iskema ta’ taħriġ għall-vulnerabbli li ġiet mnedija ftit tal-jiem ilu.
Taħt din l-iskema, is-sena d-dieħla se jiġu allokati tliet mitt elf ewro lill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali. Dan apparti l-ftehim sabiex tingħata akkomodazzjoni xierqa għall-persuni li ma għandhomx saqaf fuq rashom.
Il-Ministru Camilleri semma kif Gvern Laburista huwa konxju mir-realtajiet soċjali u stinka sabiex Għawdex ma jibqax jitqies tat-tieni klassi imma jkun mutur ekonomiku wkoll.
Saħaq li l-Gvern qed jaħdem ħafna biex ikompli jtejjeb is-sistema edukattiva u t-taħriġ vokazzjonali kif ukoll joħloq opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda f’Għawdex stess.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali Alfred Grixti tkellem fuq il-ħtieġa tal-inklużjoni fejn tidħol l-għajnuna soċjali.
Huwa qal, “Iffukajna wkoll kif ġo Għawdex b’kollaborazzjoni u koperazzjoni sħiħa li permezz tagħha l-FSWS ma taħdimx waħedha f’iżolament imma taħdem ma’ entitajiet oħra fosthom il-Knisja, pulizija u l-NGOs tas-settur soċjali biex nagħtu servizz aħjar lin-nies li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna.”