Sakemm l-Unjoni Ewropea ma tillaxkax ir-regoli u l-politika tagħha, gżejjer żgħar bħal Għawdex jibqgħu jitilfu aktar żgħażagħ li jkollhom ifittxu l-futur tagħhom f’Malta.
Dan qalu Alfred Sant lil rappreżentanti tal-Gozo Youth Council (GYC) u Gozo University Group (GUG) f’laqgħa fil-campus ta’ Għawdex tal-Universita’ ta’ Malta. Iż-żgħażagħ Għawdxin qalu lil Dr Sant li għalkemm jifhmu li llum ikollhom jagħmlu karriera f’Malta jew lil hinn minnha, xorta jixtiequ aktar opportunitajiet ta’ xogħol f’Għawdex. Huma qalu li jeħtieġ investiment fl-infrastruttura tal-ekonomija, fosthom it-tieni ‘Fibre optic cable’.
Dr Sant qal li flimkien ma’ MEPs oħra minn pajjiżi tal-Mediterran qed jinsisti għal trattament speċjali mill-Kummissjoni Ewropea għal gżejjer bħal Għawdex, li m’għandhomx belt kapitali. Aktar kmieni dis-sena Dr Sant emenda riżoluzzjoni fil-Parlament Ewropew dwar l-insularita’ tal-gżejjer u enfasizza fit-test finali li ċ-ċirkostanzi speċjali ta’ Għawdex jitolbu trattament speċjali għal Għawdex mill-Kummissjoni Ewropea.
L-istudenti saħqu għal sinerġija aħjar bejn l-istituzzjonijiet akkademiċi u vokazzjonali u d-dinja tax-xogħol. Semmew it-tħassib tagħhom dwar l-inugwaljanza fil-pagi f’Malta u f’Għawdex. Dwar opportunitajiet ta’ xogħol fl-industrija tat-turiżmu, iż-żgħażagħ u Dr Sant qablu li hemm nuqqas ta’ investiment f’dal-qasam. Iż-żgħażagħ semmew l-involviment tagħhom biex jinkoraġġixxu żgħażagħ oħra jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom f’laqgħat u attivitajiet sportivi.
Dr Sant qal li sfortunatament il-qagħda f’Għawdex hija riflessa fi gżejjer żgħar oħra f’Ċipru, l-Italja, Spanja, il-Greċja u l-Kroazja li għandhom sfidi simili. Dawn il-gżejjer għandhom problem ta’ konnettivita’ u attivitajiet ekonomiċi limitati. “Fil-Parlament Ewropew ngħidilhom li waqt li l-ekonomija ta’ Għawdex sejra tajjeb, iż-żgħażagħ Għawdxin xorta jħossu li m’hemmx opportunitajiet ta’ xogħol għalihom fuq il-gżira tagħhom.” qal Dr Sant liż-żgħażagħ u stidinhom għal dibattitu dwar l-iżvilupp ta’ Għawdex fl-Ewropa l-Ġimgħa 28 ta’ Ottubru fil-Grand Hotel f’Għawdex li huwa miftuħ għal dawk kollha li jridu jagħtu l-fehmiet tagħhom.