Għal darb’oħra, il-gżira ta’ tliet għoljiet ikklassifikat mal-aqwa mitt destinazzjoni sostenibbli turistika fid-dinja. Dan wara li d-Direttorat tat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex tefa’ n-nomina għal dan il-premju.
Dwar din l-aħbar, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega kif dan ir-riżultat jagħti il-kuraġġ u jħeġġeġ aktar ħidma f’kull qasam, b’mod speċjali fis-settur turistiku. Żied bi kburija li s-sbuħija naturali t’Għawdex kif ukoll il-ħidma tal-Gvern huma fatturi li jkomplu jattiraw it-turisti.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, Ronald Sultana spjega l-kriterji li ssodisfat il-gżira Għawdxija, li jinkludu fost l-oħrajn, in-natura, kultura l-ospitalità.
Il-Ministru Camilleri żied jgħid li s-settur turistiku baqa’ jikber u jissaħħaħ permezz ta’ diversi skemi ta’ finanzjament mill-Ministeru għal Għawdex. Fosthom semma skemi marbuta ma’ niċeċ partikolari mis-settur turistiku, fejn operaturi turistiċi jkunu jistgħu jippromwovu lil Għawdex lil hinn minn xtutna.