Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri attenda għall-51 Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi u Marittimi (CPMR), li ttellgħet din il-ġimgħa f’San Malo, fi Franza.
Il-Ministru Camilleri pparteċipa f’diversi sessjonijiet fejn kienu diskussa bosta temi u sfidi globali, fosthom kif ser jitkompla t-tisħiħ u l-koeżjoni fl-Unjoni Ewropea. Dawk li intervjenew saħqu fuq il-ħtieġa ta’ aktar kooperazzjoni u li jissaħħaħ l-irwol tal-istati u r-reġjuni fil-periferija tal-Ewropa biex jinfluwenzaw l-iżvilupp tal-ġejjieni tal-Ewropa.
Matul l-Laqgħa Ġenerali Annwali, ġie kkonfermat li l-laqgħa li jmiss tas-sena d-dieħla ser isir f’Għawdex. Il-Ministru Clint Camilleri laqa’ l-aħbar li Għawdex ser jilqa’ fostna dawn ir-rappreżentati. “Avveniment ta’ dan il-kalibru, jagħmel ħafna ġid għall-fatt li l-isfidi ta’ Għawdex u tal-Għawdxin ser jiġu trattati fuq livell Ewropew. Għandna ħafna x’noffru u l-Ministeru għal Għawdex ser jagħmel l-almu tiegħu biex dan l-avveniment ikun ta’ suċċess u jservi wkoll ta’ vetrina għal dak kollu li Għawdex għandu x’joffri.”
Il-Ministeru għal Għawdex huwa membru attiv f’diversi Kummissjonijiet Ġeografiċi tas-CPMR fosthom fil-Kummissjoni tal-Gżejjer, kif ukoll dik Inter-Mediterranja. Din is-sena huwa wkoll il-50 Anniversarju mit-twaqqif tas-CPMR, u għal dan l-avveniment internazzjonali attendew għalih rappreżentanti minn iktar minn 150 Reġjun minn 24 pajjiż fl-Unjoni Ewropea fosthom Għawdex.
Matul diversi laqgħat li saru intervjenew ukoll rappreżentanti minn diversi istituzzjonijiet Ewropej, fosthom mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Parlament Ewropew, mill-Qorti tal-Awdituri u mill-Kumitat tar-Reġjuni.