“Se jkun minn hawn li se jitilqu bidliet kbar għal pajjiżna. Għalhekk fit-tmienja ta’ Ġunju l-Għawdxin tridu tibagħtu sinjal ċar favur dan il-Gvern.”
Sostna dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela quddiem folla sabiħa waqt attività politika fin-Nadur bħala parti mill-kampanja Elettorali għall-elezzjonijiet tat-tmienja ta’ Ġunju li ġej bit-tema “Is-Saħħa lill-Maltin.”
Dr Abela saħaq li l-Gvern impenjat li Għawdex ikun il-mutur ekonomiku tal-prosperità l-ġdida ta’ pajjiżna.
“Fadlilna x’nagħmlu ferm u ferm u ferm aktar minn hekk. Għawdex irriduh u se jkun il-mutur ekonomiku tal-prosperità ġdida ta’ pajjiżna. Se jkun minn hawn li jitilqu bidliet kbar għal pajjiżna. Għalhekk imma fit-tmienja ta’ Ġunju l-Għawdxin tridu tibgħatu sinjal ċar u ċar ħafna favur dan il-Gvern. Tħalluhomx ireġġgħu l-arloġġ lura.”
Robert Abela – Prim Ministru
Fil-Gżira tat-Tliet Għoljiet, Dr Abela semma wħud mill-kisbiet ta’ Gvern Laburista f’Għawdex fosthom l-irdoppjar tal-ammont ta’ Għawdxin jaħdmu mal-privat, li ġab l-akbar investiment dirett barrani li qatt ra Għawdex u setturi b’saħħithom.
Hawnekk il-Prim Ministru tenna li b’differenza għal dan, l-establishment iqis li Għawdex huwa tiegħu però mhux għax iħobbuh imma biex jiksbu l-poter.
“Il-Partit Nazzjonalista reġa’ ġie quddiemkom bla pjan assolut. B’fissazzjoni waħda ġie, li jridu jpenġu l-mappa blu. Hekk qalu li jridu jagħmlu għal Għawdex għax għadhom ma fehmux li llum irridu nitkellmu fuq dak li jolqot lilkom u mhux fuq il-partiġġjaniżmu.”
Robert Abela – Prim Ministru
Il-Prim Ministru tkellem ukoll fuq is-settur tas-saħħa f’Għawdex fejn semma li bdew isiru interventi tal-kardjoloġija u saħaq li impenjati li jkomplu jnaqqsu l-iskariġġ għall-Għawdxin u se jkomplu jġibu f’Għawdex l-aqwa servizzi tas-saħħa.
Dr Abela rrimarka wkoll li l-Partit Laburista għandu pjan ċar għal kull lokalità inkluż għan-Nadur fejn semma wħud mill-inizjattivi, fosthom li se jittejjeb l-aċċess għall-bajjiet, klinika ġdida, il-faċilitajiet tal-iskola għar-residenti wara l-ħin, fost oħrajn.
Meta kien qed jitkellem fuq il-Parlament Ewropew, il-Prim Ministru saħaq li l-politika Ewropea tal-Partit Laburista hija ċara għax hija bbażata fuq twemmin u se jkun sod fuq dak li jemmen fih.
Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu b’messaġġ ċar li dan il-Gvern se jibqa’ se jibqa’ jaħdem għal Ewropa ta’ paċi, għal Ewropa li tkabbar ix-xogħol u l-kwalità tal-ħajja.
“U bħan-Nadur rridu nagħmlu fil-bqija ta’ Għawdex. Aħna lil Għawdex inħobbuh. Għalina intom m’intomx mappa li titpenġa b’xi kulur. Għalina intom art li jixirqilha kull suċċess. Għalhekk fit-tmienja ta’ Ġunju qed insejħulkom biex tagħżlu.”
Robert Abela – Prim Ministru