Il-programm imżewwaq bi tradizzjonijiet tal-Milied, L-għażla dan il-Milied: Għawdex f’Diċembru 2015 attirat lejn din il-gżira 45,000 passiġġier li jfisser 14,000 aktar minn Diċembru 2014.
“Għawdex hu lest biex għal sena oħra jilqgħek fi gżiritna f’dan il-perjodu ta’ ferħ”, qal il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha kien imniedi programm ieħor varat għal żmien il-Milied fil-gżira Għawdxija.
Għawdex ħa l-fama bħala l-gżira tal-Milied minħabba d-diversi attrazzjonijiet u attivitajiet uniċi li wieħed jista’ jżur f’dawn il-jiem ta’ festi. Għal sena oħra, il-Kumitat Milied f’Għawdex, fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, ġabar firxa ta’attivitajiet tal-Milied biex iħejji programm mifrux fuq Għawdex kollu għall-perjodu bejn it-3 ta’ Diċembru 2016, u t-8 ta’ Jannar 2017.
Il-Kumitat Milied f’Għawdex kompla jibni fuq il-pedamenti tal-2013 u din is-sena l-programm jinkludi firxa ta’ attivitijiet madwar Għawdex kollu. It-tradizzjonijiet, l-ikel u ċ-ċerimonji reliġjużi jagħmlu lil Għawdex destinazzjoni xitwija mimlija b’attivitajjiet għal persuni ta’ kull età.
Il-Ministeru għal Għawdex offra kull għajnuna u sostenn biex dawn l-inizjattivi jirnexxu u tinħoloq attività kbira fil-gżira Għawdxija, fejn l-ispirtu tal-Milied ser ikun wieħed ħaj u movumentat.
Inizjattivi li jħajjru viżitaturi lejn Għawdex għal dan il-Milied jinkludu, fost oħrajn, presepji ħajjin f’Għajnsielem, fix-Xagħra u fin-Nadur. Il-kreattività Għawdxija tispikka fid-diversi wirjiet ta’ presepji statiċi u makkinizzati, magħmula minn kull tip ta’ materjal immaġinabbli.
Attrazzjonijiet li jagħtu valur għall-miġja f’Għawdex jinkludu wkoll pageants, purċissjonijiet, attivitajiet staġjonali, festi kulturali, dwal, u t-tiżjin tad-djar. Ma jonqsux anke l-kunċerti, avvenimenti reliġjużi, avvenimenti għat-tfal, Christmas markets, parati tal-Milied, u kull xorta ieħor ta’ divertiment għall-familja kollha.
F’isem il-Kumitat Milied f’Għawdex, Maria Farrugia tat id-dettalji tal-programm. Dawn jinkludu l-mixgħela tas-siġra tal-Milied, id-dinja tat-tfal, il-villaġġ agrikolu kif ukoll il-parata tal-Milied, fost oħrajn. Il-programm imfassal hu ambizzjuż ħafna u żgur se joffri btala xierqa għal min ser iżur Għawdex fi żmien il-Milied. Barra l-fuljett mimli informazzjoni dwar id-diversi attivitajiet, aktar informazzjoni tista’ tinsab fuq il-website christmasingozo.com u l-paġna tal-Facebook bl-istess isem.
Ritratt: Darryl John Portelli