Għawdex rebaħ il-premju tal-aqwa destinazzjoni sostenibbli fil-Mediterran. Dan il-premju gie mħabbar fil-fiera rinomata tat-turiżmu ITB f’Berlin, il-Ġermanja, u huwa mogħti minn Green Destinations, li hija organizzazzjoni internazzjonali li tippromwovi turiżmu sostenibbli.
B’kollox ġew identifikati 100 destinazzjoni u bi 32 finalist; eventwalment 10 postijiet ġew rikonoxxuti skont ir-reġjun tagħhom. Għawdex rebaħ il-premju fir-reġjun tal-Mediterran, hekk kif kien finalist għal dan il-premju wara li fl-2017 ġie inkluż fil-lista ta’ 100 destinazzjoni dinjija li jissodisfaw kriterji stabbiliti ta’ sostenibbiltà.
Għawdex ikkompeta bħala destinazzjoni li tivvalorizza l-inizjattivi kulturali u l-identità tal-komunitajiet tagħha. B’dan il-mod, il-gżira tinkoraġġixxi inizjattivi fl-irħula li jżommu ħajja l-identità tal-post, bl-għan li l-vjaġġatur ikollu esperjenza unika tad-destinazzjoni. Filwaqt li dan huwa parti minn strateġija biex ikunu attirati turisti ta’ kwalità, Għawdex għandu opportunità li jgawdi minn turiżmu sostenibbli b’benefiċċji mifruxa għall-komunitajiet tal-gżira.
Il-kirterji ta’ dan il-premju huma stabbiliti mill-Kunsill dwar Turiżmu Globali Sostenibbli. Il-Kunsill huwa rikonoxxut mill-UNWTO, l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Turiżmu, u jistabilixxi kriterji internazzjonali dwar turiżmu sostenibbli kemm dwar operat kif ukoll dwar tfassil tal-politika.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li premju bħal dan, li jiġi aġġidukat minn ġurija professjonali u indipendenti, jagħmel unur mhux biss lil gżiritna imma wkoll lill-Għawdxin infushom li qed jikkontribwixxu għal dan is-suċċess. Hi stqarret li permezz ta’ dawn l-unuri isem Għawdex ikompli jogħla fuq l-iskala internazzjonali u jiġi rikonoxxut bħala destinazzjoni li toffri esperjenza awtentika lill-vjaġġaturi.
Il-Ministru Caruana qalet kif is-sena 2017 kienet waħda rekord fil-qasam turistiku fejn l-ammont ta’ turisti barranin li żaru Għawdex kien jammonta għal 215,184, żieda ta’ 13% fuq is-sena 2016. Hi stqarret li tinsab ottimista li din is-sena wkoll Għawdex jesperjenza żieda fuq l-ammont ta’ turisti barranin li jżuru l-gżira hekk kif indikat minn figuri mhux uffiċjali.