Il-Partit Laburista fi stqarrija qal li minkejja n-negattività bla limitu tal-Kap tal-Oppożizzjoni l-verità hija li preżentament Għawdex qatt ma esperjenza l-ġid li qed jesperjenza bħalissa qabel; b’ħolqien ta’ impjiegi rekord, rekord ta’ investiment attirat, tkabbir ekonomiku bla preċedent u turiżmu li qed ikompli jisplodi ‘l fuq b’lukandi mimlija anke fix-shoulder months.
Il-PL sostna kif din il-ġimgħa kien ikkonfermat ukoll kif in-numru ta’ Għawdxin jirreġistraw għax-xogħol ukoll naqas b’terz tul din l-amministrazzjoni, wara li kien kiber matul il-leġislatura li għaddiet. Anke f’Għawdex, bħalissa, in-numru ta’ nies jirreġistraw huwa fl-inqas livelli osservati fl-aħħar deċenji.
Fl-istqarrija huma qalu li l-Kap tal-Oppożizzjoni llum kompla bl-attakk tiegħu kontra l-investiment fil-qasam tas-saħħa f’Għawdex u anke fuq l-iskola medika ta’ Barts iżda ma sabx ħin jikellem fuq il-korruzzjoni f’Għawdex fl-aħħar leġisltura li meta kien infurmat biha flok ċanfar għax seħħet, ċanfar għax baqgħet għaddejjha waqt li kienet se tintilef l-elezzjoni. Ironikament illum iżda sab ħin isellem lil Giovanna Debono li propju r-raġel tagħha jinsab akkużat bi 13 –il Kap ta’ akkuża quddiem il-Qorti fuq każ ta’ korruzzjoni f’Għawdex.
Temmew jgħidu li l-unika sħab ta’ dubbju jinsab fuq il-Partit Nazzjonalista li huwa maħkum minn klikka estremista u li hija evidenti l-qasma li għandu u fuq l-iskandli bħal dak tal-art tal-Lowenbrau li Busuttil qed ikompli jaħrab milli jwieġeb fuqu.