F’Għawdex m’hemmx fejn toqgħod labra, hekk kif kull tip t’akkomodazzjoni fosthom il-lukandi huma mimlija sa ruħ ommhom.
Fil-perjodu li l-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu tqisu bħal l-quċċata tal-istaġun sajfi, eluf mistennija jaqsmu l-fliegu għall-festi ta’ Santa Marija.
Filfatt huwa stmat li se jmorru fil-gżira tat-tliet għoljiet aktar minn ħamsin elf persuna u madwar ħmistax-il elf vettura.
Joe Muscat, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, qal ma’ ONE News li l-prenotazzjonijiet għal-lukandi bejn it-Tlieta u l-Ħadd juru li kull lukanda f’Għawdex hija mimlija.
Kull tip ta’ akkomodazzjoni f’Għawdex tidher li hi mimlija ovvjament għar-raġuni li d-domanda li hawn f’dan il-perjodu apparti li tkun ġejja mit-turisti barranin li jżuruna ta’ kull sena, anki l-Maltin.
F’dan il-kuntest fakkar li s-sena li għaddiet kienet irreġistrata żieda ta’ sebgħa fil-mija fin-numru ta’ Maltin li marru Għawdex – li ssarfet fi ħmistax fil-mija aktar ta’ ljieli li l-Maltin qattgħu fl-akkomodazzjoni Għawdxija. B’dawn iċ-ċifri nnota li l-indikazzjonijiet għal din is-sena huma inkoraġġanti.
In-numri ta’ nies li qegħdin jaqsmu u r-rapporti li għandna ovvjament għad iridu jiġu kkonfermati però jidher li qegħdin fuq l-istess livelli jekk mhux aħjar minn tas-sena l-oħra allura aħna qed nistennew li l-2018 b’mod partikolari f’dan il-perjodu, il-figuri jkomplu jiżdiedu u jkunu aħjar minn tal-2017.
Min-naħa tiegħu, iċ-ċermen tal-Gozo Channel qal li t-tliet vapuri u l-aktar mill-mitejn u erbgħin impjegat tal-kumpanija jinsabu preparati għall-influss ta’ turisti u Maltin li se jaqsmu l-fliegu f’dawn il-jiem.
Aħna qed naħdmu shuttle service biex inlaħħqu mad-domanda u qed nagħmlu minn kollox biex kull min ikun ġej lejn Għawdex jistenna mill-inqas kemm jista’ jkun.