It-Tnejn, il-gżira Għawdxija se terġa’ tibda tilqa’ lill-Maltin u lit-turisti, hekk kif se jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar bejn il-gżejjer.
F’Għawdex, is-settur turistiku jinsab lest biex wara diversi ġimgħat kwiet aktar mis-soltu, jerġa’ jara l-attività bħal qabel.
Dan l-istazzjon qasam il-fliegu u ħdejn il-bajja popolari ta’ Marsalfon, fi sfond ta’ proġett ġdid u mill-isbaħ, innota bosta sidien ta’ ristoranti ħerqana jagħmlu l-aħħar preparamenti sabiex jerġgħu jibdew iservu lill-klijenti fuq l-imwejjed.
Sentiment li qasmu magħna is-sid ta’ ristorant Kenneth Grech.
Huwa stqarr magħna: “Il-preparamenti huma ħafna li jinkludu l-iktar ħaġa importanti li nżommu d-distanza ta’ żewġ metri bejn l-imwejjed… Il-Wage Supplement kienet xi ħaġa importanti ħafna u ngħid għalija li kieku ma kienx għalih ma stajtx inżomm il-ħaddiema li jaħdmu miegħi.”
Jidher li t-turisti wkoll qed ifittxu biex iqattgħu l-btala tagħhom fil-gżira Għawdxija, hekk kif il-kmamar f’postijiet differenti ta’ akkomodazzjoni wkoll qed jimtlew.
Iltqajna ma’ rappreżentant ta’ lukanda ewlenija f’Għawdex u li toffri xeni pittoreski tal-port tal-Imġarr li saħaq l-importanza tal-iskema tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Gvern.
Samuel Sillato qalilna, “Kellna feedback tajjeb ħafna mit-turisti rigward l-inċentiv tal-MTA u anke l-għajnuna mill-GTA fejn ta’ kuljum tawna aġġornament rigward inċentivi ġodda u skemi għall-lukandi. Għalkemm se jkollna sena diffiċli xorta nemmen li l-prodott li għandna Malta u Għawdex għandna nibqgħu pożittivi li naraw it-turisti lura lejn pajjiżna.”
Iċ-Chairman tal-Gozo Channel, Joe Cordina, spjega li l-kumpanija lesta wkoll sabiex mil-jiem li ġejjin tilqa’ għad-domanda ta’ Maltin u Turisti li mistennija jżuru l-gżira tat-tliet għoljiet.
Huwa sotna: “Il-Gozo Channel qed tipprepara biex inkunu nistgħu nagħtu servizz għad-domanda li se jkun hemm. Aħna qed nistennew li d-domanda se tkun qed tikber u għalhekk min-nhar it-Tnejn 17 ta’ Mejju se nkunu qed nibddlu t-time table għal dik tas-sajf u s-servizz ikun frekwenti ħafna.”
Fil-kabina tal-Kaptan tal-vapur Ta’ Pinu u b’veduti mill-isbaħ tal-gżira ċkejkna ta’ Kemmuna, rajna wkoll ħaddiema fuq ix-xwiek lesti biex bil-protokolli kollha, jerġgħu jaraw vapuri mimlija nies li sejrin jitpaxxew bil-gżira Għawdxija.