Għawdex kellu jingħata 31% tal-fondi Ewropej u mhux 10% għax il-fatti juru li Gvern Nazzjonalista kien żbaljat meta qal li 10% tal-fondi Ewropej kienu biżżejjed għal Għawdex.
Dan qalu Frank Psaila, espert tal-iżvilupp ta’ Għawdex waqt il-Konferenza bl-isem ta’‘X’jistennew l-Għawdxin mill-Ewropa’ organizzata mill-fergħa Għawdxija tal-Ewroparlamentari Alfred Sant fil-Lukanda Calypso, Marsalforn, Għawdex.
Frank Psaila qal li waqt in-negozjati mal-Kummissjoni Ewropea fl-2001/2002, il-Gvern Malti ikkonvinċa lill-Għawdxin li permezz ta’ sħubija fl-UE, l-ewwel Għawdex kien se jilħaq il-livell ekonomiku ta’ Malta u wara jilħaq dak tal-Ewropa.
Dak iż-żmien il-livell ta’ żvilupp ta’ Għawdex kien ta’ 58% tal-medja tal-UE filwaqt li ta’ Malta
kien ta’ 82%. Allura Għawdex kien għadu lura sew komparat ma’ Malta, u kien għadu lura aktar meta
kkomparat mal-UE f’termini ta’ żvilupp ekonomiku.
Il-Gvern ta’ dak iż-żmien alloka għal Għawdex 10% tal-fondi Ewropej li tirċievi Malta. Il-Gvern ibbaża l-allokazzjoni ta’ 10% fuq il-bażi tad-daqs tal-popolazzjoni Għawdxija li kienet madwar 7% tal-popolazzjoni Maltija u żiedha bi 3% oħra biex mingħalih iżid l-isforz biex Għawdex tilħaq lil Malta.
Frank Psaila qal li bħala Segretarju Permanenti għal Għawdex kien ħeġġeġ lil Gvern biex iżid l-allokazzjoni għax persentaġġ ta’ 10% ma kienx se jkun biżżejjed. Psaila qal li bbaża l-proposta tiegħu fuq punti li wieħed ma jistax ma jaqbilx magħhom. Il-pożizzjoni tiegħu kienet li l-kobor ta’ Għawdex kien ta’ 27% ta’ dak tal-gżira ta’ Malta,
il-kosta tagħha kienet 31% ta’ dik ta’ Malta u ż-żona agrarja 36%. Hu saħaq li l-persentaġġ ta’ fondi Ewropej għal dawn l-oqsma ta’ żvilupp f’Għawdex għandhom tal-inqas ikunu tal-istess daqs ta’ persentaġġ li għandhom dawn l-oqsma.
Il-gvern baqa’ ma ċċaqlaqx mill-pożizzjoni tiegħu. Ir-riżultat kien li Għawdex waqa’ aktar lura. Bħala stat ta’ fatt il-livell ta’ żvilupp ta’ Għawdex naqas minn 58% fl-2003 għal 54% fl-2015. B’kuntrast, il-livell ta’ żvilupp ta’ Malta fl-istess perijodu żdied minn 82% għal medja ta’ 96%.
Fuq punt ieħor li hu rilevanti għal-livell ta’ żvilupp, Frank Psaila qal li Għawdex ma għandux futur pożittiv fl-Unjoni Ewropea. Biex jispjega dan il-messaġġ hu rrefera għal rapport li sar mill-Kummissjoni Ewropea fl-2012 dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta’ Għawdex.
F’dan ir-rapport il-Kummissjoni saħqet li:
Ir-rata ta’ tkabbir tal-Prodott Gross Domestiku ta’ Għawdex huwa ogħla minn dak
tal-maġġor parti tal-gżejjer tar-Renju Unit, Spanja u l-gżejjer Nordiċi;
- L-aċċessibilita` ta’ Għawdex huwa ħafna aħjar minn dak ta’ ħafna reġjuni gżejjer fl-UE.
- Ir-rata ta’ qgħad f’Għawdex ġeneralment hija taħt il-medja ta’ reġjuni gżejjer oħra Ewropej.
- M’hemmx differenzi kbar bejn l-iżvilupp ta’ Malta u ta’ Għawdex filwaqt li reġjuni tal-UE għandhom ħafna aktar disparitajiet interni.
- Għalkemm Għawdex għandu attivita` ekonomika inqas mill-medja nazzjonali, l-abitanti ta’ Għawdex jistgħu faċilment jibbenefikaw mill-kummerċ u l-opportunitajiet ta’ xogħol offruti mill-Belt Kapitali.
Il-Kummissjoni kkonkludiet billi qalet li “l-analiżi ta’ dan ir-rapport juri li s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta’ Għawdex hija simili ta’ ħafna gżejjer fl-Unjoni Ewropea.” Il-Kummissjoni Ewropea f’Ottubru tal-2012 qalet li l-Għawdxin jistgħu faċilment isibu impjieg Malta; li l-qgħad f’Għawdex jikkompara tajjeb ma’ gżejjer oħra tal-UE; l-aċċess għal Għawdex huwa relattivament ogħla min dak ta’ gżejjer oħra Ewropej; il-fatt li l-attivita` ekonomika f’Għawdex hija baxxa ma toħloqx problemi għall-Għawdxin għax jistgħu jibbenefikaw mill-iżvilupp u l-opportunitajiet ta’ Malta.
“Tassew sabiħ jidher il-futur ta’ Għawdex fi ħdan l-Unjoni Ewropea!” qal b’mod ironiku s-Sur Psaila.