B’regolazzjoni u kreattività, l-gżira Għawdxija tista’ ssir iċ-ċentru diġitali Ewropew. Dan qalitu Dr Josianne Cutajar fid-diskors tagħha waqt il-Forum annwali Insuleurġewwa Għawdex.
Waqt dan il-Forum, organizzat b’kollaborazzjoni mal-Ministeru t’Għawdex u l-Gozo Business Chamber, Cutajar enfasizzat li l-liġi Ewropea hi għodda essenzjali għall-iżvilupp ta’ gżejjer żgħar u iżolati bħal Għawdex, u dan għaliex l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi l-bżonnijiet u l-limitazzjonijiet ġeografiċi tagħhom.
Il-Membru Parlamentari Ewropew enfasizzat li l-konnettività ta’ Għawdex se tibqa’ prijorità fil-ħidma tagħha ġewwa Brussell, u dan għaliex, fi kliemha, miżuri f’dan il-qasam jistgħu jeqirdu għal kollox l-iżvantaġġi marbuta mal-insularità doppja Għawdxija.
Cutajar, li hi membru attiv fil-Kumitat dwar l-Industrija, r-Riċerka, u l-Enerġija, faħħret il-miżuri diġà implimentati, fosthom l-inċentivi fiskali għal intrapriżi ġodda, u l-infrastruttura broadband, għaliex dawn qiegħdu s-sisien għall-futur diġitali.
“Irrid li naħdmu għall-jum fejn f’dawn il-fora, ma nibqgħux nitkellmu fuq l-insularità ta’ Għawdex, iżda fuq Għawdex bħala ċ-ċentru ta’ innovazzjoni u teknoloġija,” stqarret Dr Cutajar.
Dan jista’ jseħħ, sostniet Cutajar, jekk nassiguraw li l-politika industrijali Ewropea tinvesti b’mod sinifikanti fid-diġitalizzazzjoni, u fl-infrastruttura neċessarja għaliha. Dan jinvolvi t-tisħiħ tal-konnessjonijiet tal-broadband, per eżempju, li jiffaċilita remote working, u jgħaqqad gżejjer iżolati bħal Għawdex mal-bqija tal-kontinent.
“In-nies iridu jkunu fil-qalba ta’ din il-bidla,” enfasizzat Cutajar. Dan ifisser taħriġ għall-ħaddiema sabiex huma jkunu lesti għax-xogħlijiet il-ġodda, u l-intrapriżi jkollhom ħaddiema mgħarrfa, b’potenzjal ta’ ideat innovattivi.
Fuq kollox, investiment fil-qasam diġitali huwa l-iktar mod effiċjenti ta’ kif wieħed ikompli jixpruna t-tkabbir ekonomiku, bl-inqas ħsara ambjentali possibbli. Huwa għalhekk, fi kliem Cutajar, li l-futur huwa diġitali: għaliex il-futur iħares lejn żvilupp soċjali u ambjentali, mhux biss ekonomiku.