Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li l-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Gozo Business Chamber, iffirma ftehim ma’ Greening the Islands biex Għawdex jissieħeb f’din l-inizjattiva internazzjonali u jkun parti mill-osservatorju internazzjonali biex inkomplu nippromwovu lil Għawdex bħala gżira ekoloġika u li għandha tant x’toffri f’din l-aġenda importanti.
Il-Ministru għal Għawdex qalet li permezz ta’ din l-inizjattiva, matul is-sena li ġejja f’Għawdex ser jiġu diversi entitajiet u esperti internazzjonali biex tibda u ssir ħidma fuq proġetti u inizjattivi ġodda li jistgħu jiġu ppilotati minn Għawdex u li jistgħu mbagħad jieħdu dimensjoni ikbar kemm reġjonali, Ewropea u kif ukoll internazzjonali.
“Din hija opportunità biex nitgħallmu u nikkontribwixxu biex Għawdex ikun fiċ-ċentru tal-ħidma tal-osservatorju biex mhux biss ikollna proġetti u inizjattivi sostenibbli għal Għawdex imma wkoll tkabbir ekonomiku f’ambitu tal-green economy u dik ċirkolari, u ħolqien ta’ impjiegi ġodda f’dawn is-setturi.”
Is-Sur Joe Borg, President tal-Gozo Business Chamber, qal li l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija tappoġġja bis-sħiħ din l-inizjattiva u hija opportunità importanti ħafna biex tisseddaq il-koperazzjoni bejn Għawdex u entitajiet kbar bħal Greening the Islands.
Gianni Chianetta, f’isem Greening the Islands, stqarr li Għawdex għandu sbuħija naturali u għandu potenzjal enormi fl-aġenda ambjentali fl-iktar sens wiesa’ tagħha inkluż dak ekonomiku u allura f’Għawdex raw potenzjal enormi biex ikun membru importanti ta’ din l-inizjattiva speċjalment għall-iskop tal-osservatorju internazzjonali li jopera fuq livell globali.
Ritratti – MGOZ