Għawdex ingħata prominenza mill-uffiċċju tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu fl-Italja matul din is-sena fejn kienet esebita bħala d-destinazzjoni ideali fost il-gżejjer Maltin għat-turisti, grazzi għall-inklussività, is-sostenibbiltà u l-istorja li toffri.
Kampanja tal-MTA bit-tema ewlenija ta’ Għawdex rat ritratti spettakolari tal-gżira jiġu esebiti fuq bosta mezzi tat-trasport fi bliet ewlenin Taljani, waqt li kienet is-suġġett waqt programmi popolari tal-istazzjonijiet nazzjonali televiżivi tar-Rai 2 u Rai 3 u anke fuq il-Canale 5, flimkien ma’ stazzjonijiet tar-radju fil-pajjiż, li lkoll iddiskutew l-istorja u l-kultura tipika fil-‘Gżira tat-Tliet Għoljiet’.

Din is-sena spikka wkoll il-proġett li sar mill-MTA fl-Italja, permezz tal-brand VisitGozo, bl-isem ta’ ‘Nessuna Donna è un’isola’, li ffoka fuq l-ivvjaġġar lejn Għawdex u wera t-tradizzjonijiet u s-sbuħija tal-gżira f’esbebizzjoni ta’ ritratti f’Milan.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, Carlo Micallef, qal li dawn l-inizjattivi jkomplu jikkonfermaw il-fatt li Għawdex hu destinazzjoni ideali u bihom se jkompli jissaħħaħ iżjed it-turiżmu fostna.