Flimkien ma’ mitt belt oħra minn madwar l-Ewropa, Għawdex se jipparteċipa fi programm li l-mira tiegħu hi li l-parteċipanti, permezz ta’ azzjonijiet favur il-klima, inaqqsu l-emissjonijiet sas-sena elfejn u tletin.
Kienet l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex li applikat biex il-gżira Għawdxija setgħet tintgħażel biex tipparteċipa fil-programm, bl-isem ta’ “100 climate-neutral and smart cities by 2030”.
Dan il-programm, li hu ffinanzjat mill-programm Horizon Europe, għandu l-għan li sas-sena elfejn u tletin Għawdex jilħaq il-mira li jiġi kklassifikat bħala climate-neutral u smart city.
Dan it-tragward ambizzjuż hu parti minn programm usa’, xprunat mill-Unjoni Ewropeja, fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, imsejjaħ European Green Deal. Dawk li se jieħdu sehem f’dan id-Deal se jirċievu bejniethom tliet mija u sittin miljun ewro biex jindirizzaw modi ġodda u aktar nodfa għal proġetti ta’ mobbiltà, enerġija effiċjenti, kif ukoll ippjanar ta’ tħaddir urban.
Permezz ta’ dan il-programm, Għawdex se jirċievi għajnuna teknika, se jkun eliġibbli għal fondi addizzjonali għal dan il-għan, u se jingħata l-opportunità li jipparteċipa fi proġetti pilota.
L-applikazzjoni li ssottomettiet l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex intgħażlet minn fost aktar minn 370 applikazzjoni li rċeviet il-Kummissjoni Ewropea.